Matul l-2024, 3,798 persuna rrappurtaw li ġarrbu vjolenza domestika jew għamlu użu mis-servizzi li hemm fʼdan il-qasam. Minnhom, 76.0 fil-mija kienu nisa.
Fil-fatt, skont l-NSO, ftit aktar minn tliet kwarti tal-persuni li kienu qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi taʼ għajnuna għall-vjolenza domestika kienu nisa filwaqt li 24.0 fil-mija kienu rġiel. Il-biċċa l-kbira tagħhom (57.5 fil-mija) użaw xi servizz – kien xʼkien – darba biss.
21.4 fil-mija użaw servizz wieħed jew aktar għal darbtejn, u 21.1 fil-mija użaw servizz wieħed jew aktar għal tliet darbiet jew aktar. 44.9 fil-mija tan-nisa użaw servizz minnhom, kien xʼkien, aktar minn darba, meta mqabblin ma’ 35.0 fil-mija tal-irġiel.
Fl-2024, kienu rreġistrati bʼkollox 6,768 każ mal-entitajiet varji li jagħtu s-servizzi lill-persuni li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika. Fl-2024, bħas-snin taʼ qabel, is-servizzi ewlenin użati mill-persuni li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika kienu t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika (DVU) fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ (2,987 każ reġistrat) u l-Korp tal-Pulizija, li rċieva 2,379 rapport.
Id-distrett tan-Nofsinhar tal-Port irreġistra l-akbar użu tas-servizzi offruti mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika, bi 12-il utent tas-servizz mara għal kull 1,000 resident mara u 2.6 utenti tas-servizz irġiel għal kull 1,000 resident raġel.
Dan id-distrett irreġistra wkoll l-ogħla rata ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika, b’10.2 rapporti minn nisa għal kull 1,000 resident mara u 3.3 rapporti minn irġiel għal kull 1,000 resident raġel. B’kuntrast, id-distrett t’Għawdex u Kemmuna rrapporta l-iżgħar rati kemm ta’ dawk li jużaw is-servizz kif ukoll ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika għal kull 1,000 resident.
//= $special ?>

