Julie Zahra, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra qalet fil-Parlament li filwaqt li l-gvern ma żammx il-wiegħdi ewlenin mal-artisti, il-PN għandu proposti konkreti għal dan is-settur.
Julie Zahra awgurat f’isem l-Oppozizzjoni lill-Belt Victoria u lill-Għawdxin kollha wara li ġiet shortlisted biex tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-2031. Hi qalet li minkejja li se tkompli tiżdied l-allokazzjoni finanzjarja għall-qasam tal-Arti u l-Kultura għas-sena d-dieħla, peró tajjeb li wieħed isaqsi jekk hux qegħdin inkunu sostenibbli fl-infiq ta’ pajjiżna għal dan is-settur, fejn verament hemm bżonn u għall-ħolqien ta’ niċeċ ġodda f’dan is-settur u jekk hux qegħdin inżidu n-nefqa bla ma naħsbu fid-dħul.
Julie Zahra semmiet il-Culture and Arts Hub li se jsir il-Marsa u li se jkollu fih il-faċilitajiet għall-artisti tal-Karnival li l-gvern ilu jwiegħdu iżda ma wettaqx. Hi qalet li l-edukazzjoni fil-qasam tal-arti u dik kreattiva mhijiex tingħata importanza daqs suġġetti oħrajn. Il-Partit Nazzjonalista irid li s-suġġetti tal-arti jkunu rispettati daqs kull suġġett ieħor.
Dwar l-obbligi tal-patrimonju hi qalet li suppost kien mekkaniżmu amministrattiv biex jiġu indirizzati abbużi jew ħsarat illegali f’zoni arkeoloġiċi sensittivi, illum evolvew f’xi ħaġa ferm iktar perikoluża – f’tip ta’ skema ta’ kumpens finanzjarju biex iħaffef jew jippermetti t-twaqqigħ ta’ faċċati u bini storiċi. Dan hu kontra l-ispirtu tal-Att dwar il-Wirt Kulturali nnifsu u joħloq theddida diretta għall-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tagħna.
F’dawn l-aħħar tnax-il sena il-Gvern, flok involva lill-privat kompla jiċċentralizza l-poter u għal darb’oħra kollox ser jibqa’ l-istess anke għas-sena d-dieħla għaliex imkien ma rajt jien miżura mqar waħda fejn dan il-Gvern jippermetti lis-settur tal-wirt nazzjonali privat jikber. Fejn huma l-inċentivi neċessarji u l-iskemi biex il-mużewijiet privati u d-djar storiċi jiġu megħjuna? Fejn huma l-opportunitajiet innovattivi għall-governanza f’diversi livelli ta’ wirt tanġibbli, intanġibbli u diġitali, li għandhom jinvolvu lill-partijiet interessati kemm dawk privati u lis-soċjetà ċivili?
Fejn hi l-istrateġija ta’ Heritage Malta dwar il-mużewijiet u s-siti li jaqgħu taħtha? Kif jista’ l-Gvern jalloka budget għal mużewijiet u s-siti tagħna jekk lanqas strateġija ta’ kif dawn il-fondi ser jintużaw u jiġġeneraw dħul ikbar m’għandu?
Hi staqsiet meta se naraw il-mużew naturali li jinstab l-Imdina modernizzat u denju tal-kollezzjonijiet illi jilqa’ fih? Il-Ministru Bonnici għandu jagħti rendikont ta’ dawn il-fondi allokati għas-sena d-dieħla u jsemmi liema huma dawk is-siti jew mużewijiet li se jsirilhom manutenzjoni jew restawr u jekk il-Gvern hux se juża wkoll fondi Ewropej, u jekk iva kemm.
Il-poplu għadu qed jistenna li xi darba jitlesta l-mużew f’Għawdex. Dan il-mużew ilu biex jitlesta s-snin u Għawdex, pajjiżna spiċċa tilef mal-€5 miljun f’fondi Ewropej. Dan filwaqt li l-famuż lift li kellu jiġi installat fejn il-Bibjoteka Nazzjonali fil-Belt u li għadu ma sarx. Hemm ukoll l-Arkivji Nazzjonali li għadhom mingħajr post adegwat għaliex il-post li kien ġie allokat għalih f’Ta Qali minflok intuża għal skop ieħor
Fejn hi l-istrateġija dwar kif ser jiġu allokati l-fondi għas-sena d-dieħla mill-MICAS ? X’inhuma l-għanjiet u l-kisbiet li huma pproġettati li jilħqu? Għaliex irridu nsaqsu għat-trasparenza u l-kontabbilità l-ħin kollu?
Julie Zahra qalet li r-realtà tal-artist hi li jew tapplika għall-fondi jew tfittex sponsorship iżda anki jekk jieħdu xi fondi dawn lanqas huma biżżejjed biex imqar ikopru nofs l-ispejjeż.
Dwar l-industirja tal-films Julie Zahra qalet li apparti t-tberbiq ta’ flus bla rażan, bla ebda kontabbiltà u trasparenza, id-deputati Laburisti li jiffurmaw parti mil-kumitat tal-Public Accounts Committee (il-PAC) vvutaw kontra biex jevitaw li jerġa’ jitressaq il-Kummissarju tal-Films quddiem dan l-istess kumitat. Minn xhiex qegħdin tibżgħu? X’qed taħbu? X’hemm li ma tridux lill-poplu hemm barra jkun jaf ?
Hi sostniet li l-iskema tal-40% cash rebate hija tajba u l-PN qatt ma kien kontra. Li hu inkwetat hu l-mod ta’ kif dan il-cash rebate qiegħed jitħaddem u jitmexxa.
Iż-€2 miljun baqgħu se jiġu allokati lill-produtturi lokali iżda fiż-żminijiet tal-lum din iċ-ċifra ma tiġġustifikax il-bżonnijiet li għandhom bżonn il-produtturi ta’ pajjiżna u allura din iċ-ċifra kellha tiżdied biex tirrifletti t-twemmin u l-apprezzament li għandu jkollna lejn il-produtturi lokali.
Dwar il-proposta tas-sound stage hi qalet li dan ilu jsemmih il-Gvern għal dawn l-aħħar snin. Sakemm isir u jitlesta qed nitilfu ħafna opportunijiet. Il-PN hu kommess li dan isir.
Julie Zahra qalet li l-PN jemmen bis-sħiħ fl-inċentivar tas-settur privat biex ma jkomplix jikkompeti direttament mal-inizjattivi tal-Gvern, li jimmotiva lill-artist Malti u li l-fondi nazzjonali jkunu mqassma b’mod ġust u ekwi bejn kulħadd, li nagħtu grants għall-istudenti li jkomplu jistudjaw ġewwa l-Università ta’ Malta meta jidħlu għall-korsijiet artistiċi u dawk kulturali fejn jiġu anke appoġġjati b’inċentivi ta’ taxxa u li nistrutturaw aħjar l-edukazzjoni ta’ pajjiżna fejn jidħlu s-suġġetti kreattvi u noħolqu shift fil-mentalità.
Dan filwaqt li nimplimentaw work regulation order għall-ħaddiema li jaħdmu fis-settur kreattiv biex ikunu ssalvagwardjati aħjar f’xogħlhom, niżviluppaw multipurpose concert hall state of the art għal pajjiżna, fejn noħolqu u niżviluppaw hub tal-ogħla kwalità għall-artisti, li tkun id-dar tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ pajjiżna u li jkollha teatru tal-ogħla kwalità li jkun attrezzat għal kull dixxiplina eżistenti bi spazju estensiv għat-taħriġ.
//= $special ?>

