Opinjoni

OPINJONI: Il-Gvern tal-bieraħ, tal-lum… u ta’ għada

Ladarba l-Gvern jibda jara lilu nnifsu bħala sid il-poplu – u mhux bħala l-qaddej tiegħu – dak ikun il-mument proprju fejn pajjiż jibda jitlef ruħu

George Muscat

Il-mistoqsija “Tixtiequ li l-Gvern jibqa’ jisirqek u jibqa’ l-Gvern ta’ għada?” tgħaqqad fiha l-frustrazzjoni u l-għejja ta’ poplu li ilu jara l-istess logħba qed tiżvolġi quddiem għajnejh.
Dan meta l-Gvernijiet Laburisti tal-bieraħ u tal-lum – flimkien mal-Ministri attwali li jippretendu li jkunu wkoll il-Kabinett tal-futur – jidhru li huma kollha ħolqa f’katina waħda… katina ta’ wegħdiet miksura, skandli moħbija, u politika mibnija fuq min jaf lil min, u mhux fuq min jixraqlu tassew.

Il-verità wara l-kliem sabiħ li ilna nisimgħu…
Il-poplu Malti ilu snin jisma’ kliem sabiħ u mirqum għall-okkażjoni…
“Se nagħmlu ġustizzja,”…. “Se nsaħħu l-ekonomija,”… “Se nħarsu l-ambjent,” “Se npoġġu l-familja fiċ-ċentru” huma kollha wiegħdiet u frażijiet li jinżlu tajjeb fost il-poplu minbarra li jdoqqu tajjeb għall-widna.
Iżda fil-verità, wara kull slogan u wara kull konferenza tal-aħbarijiet, teżisti realtà oħra li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, tkun aktar disposta li toħroġ fil-beraħ.
F’dan ix-xenarju, tispikka fuq kollox realtà li tibbaża fuq in-nuqqas tas-serjetà, l-arroganza u l-korruzzjoni li, ilkoll flimkien, qed jikkontribwixxu għal marda kronika fil-qalba tal-politika Maltija… xenarju negattiv u inkwetanti li tħalla jiżviluppa għal snin, bl-esponenti tal-Gvern jibqgħu ma jindirizzawx b’urġenza lid-diversi sitwazzjonijiet soċjali fost in-nuqqas akut ta’ sensittività u trasparenza.
Il-Gvern Laburista tal-bieraħ ħalla warajh sensiela ta’ skandli u allegazzjonijiet li qatt ma kienu spjegati sewwa.
Dan meta l-Gvern Laburista tal-lum, flok jitgħallem minn dawk l-iżbalji, donnu li jrid ikompli fl-istess triq akkost ta’ kollox.
Intant, fil-qalba tal-amministrazzjoni preżenti tidher li qed tiddomina d-dispożizzjoni lejn bidla fl-uċuħ iżda mhux fil-mentalità.
Dawn huma nuqqasijiet li jispikkaw u li jħallu impatt inevitabbli għal numru ta’ setturi – b’effett dirett għall-ħajja li qed ngħixu llum.
F’dan ix-xenarju, ma nistgħux nibqgħu ngħixu f’illużjoni falza għat-tul taż-żmien… lanqas ma nistgħu ngħidu “li għada jkun aħjar” meta kull ġurnata ġdida qed iġġib magħha sens akbar ta’ delużjoni u diżappunt inevitabbli.

Meħtieġa tmexxija bażata fuq is-servizz
Il-problema mhix biss waħda ta’ korruzzjoni jew ta’ ħela tal-flejjes pubbliċi.
Aktar ma nanalizzaw is-sitwazzjoni, insibu li l-vera problema tinvolvi l-istil tat-tmexxija bażata fuq il-poter – jew is-sens tal-poter — u mhux fuq is-servizz u s-sens tad-dmir lill-Istat u lill-poplu.
U ladarba l-Gvern jibda jara lilu nnifsu bħala sid il-poplu — u mhux bħala l-qaddej tiegħu — dak ikun il-mument proprju fejn pajjiż jibda jitlef ruħu.
Fil-fatt, tajjeb li wieħed jenfasizza li din hi proprja l-marda li għandna llum u li qed niffaċċjaw bħala realtà, ġurnata wara l-oħra – f’dan il-każ, Gvern li qed jaġixxi daqslikieku l-voti tawh hekk-imsejjaħ ‘blank cheque’ biex jagħmel li jrid.
Madankollu, it-tama hi l-aħħar li tmut u meta għad hemm xaqq ta’ dawl fiċ-ċirkustanzi. Dan għaliex il-poplu ma jridx jibqa’ vittma u meta anki qed jagħraf il-gravità tas-sitwazzjoni. Il-Malti, aktar kulma jmur, irid bidla vera… bidla li tissarraf fil-fatti… f’azzjonijiet konkreti u mhux fis-sempliċi kliem.
Il-poplu, irrispettivament mit-tlellix u propaganda rħisa, irid Gvern li jisma’, mhux Gvern li jħares lejn kull kritika bħala ‘insult’ jew attakk personali. Irid tmexxija li taħdem bil-par ideali u mhux bil-par favorit.
Għaldaqstant, il-Gvern ta’ għada jista’ jkun ferm aħjar u differenti – iżda dan kapaċi jseħħ biss jekk aħna, bħala ċittadini, nibdlu l-attitudni tagħna.
Ma nistgħux nibqgħu naċċettaw li l-istess nies li tellfuna l-fiduċja jerġgħu jitolbu l-fiduċja mill-ġdid u b’wiċċhom ‘il quddiem. Illum, aktar minn qabel, irridu naħsbu b’moħħna, waqt li naċċertaw li l-vot tagħna jkun strument ta’ riforma u mhux sempliċiment ‘għodda li tippermetti għal ripetizzjoni tal-għażliet żbaljati’.
B’hekk, meta tistaqsi “Tixtiequ li l-Gvern jibqa’ jisirqek u jibqa’ l-Gvern ta’ għada?” Ir-risposta għandha tkun waħda ċara: ‘Le. Għaliex l-għada trid tkun differenti u meta jeħtieġ li l-futur ikun tagħna – u mhux tagħhom.’

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tas-Sibt 15 ta’ Novembru, 2025.