Internazzjonali

Il-Polonja: Sinjali ta’ sabutaġġ bla preċedent f’linja tal-ferrovija…

Il-Prim Ministru tal-Polonja, Donald Tusk, fisser splużjoni li qerdet parti minn linja tal-ferrovija li tgħaqqad Varsavja maz-zoni tal-pajjiż lejn il-Grigal bħala ‘azzjoni ta’ sabutaġġ bla preċedent.’ Dan waqt li għadhom ħerġin id-dettalji dwar l-isplużjoni – bil-Prim Ministru Tusk iżur is-sit partikulari fl-aħħar sigħat.

Donald Tusk sostna li din il-linja tal-ferrovija hi importanti ħafna għall-movimenti tal-għajnuna lejn l-Ukrajna li ilha l-aħħar snin tiġġieled gwerra qalila mar-Russja.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tad-Difiża Pollakk, Władysław Kosiniak-Kamysz, ikkonferma li l-armata kienet qed tippjana biex teżamina madwar 120 kilometru tan-network tal-ferrovija li jkopri l-inħawi ta’ Varsavja, Lublin u Hrubieszów… linja  li anki sservi bħala ‘link’ ewlieni għall-ivvjaġġar bil-ferrovija mill-kapitali Pollakka lejn l-Ukrajna.

Intant, Donald Tusk ma jidhirx li għandu dubju li l-isplużjoni saret bħala att premeditat – u meta ma kienx magħruf jekk l-inċident seħħx matul il-lejl tas-Sibt inkella kmieni l-Ħadd filgħodu. Kien ikkonfermat li ma weġġa’ ħadd minn fost il-passiġġieri u l-membri tal-istaff tan-network li kienu qed jivvjaġġaw fuq dik il-ferrovija.