Lokali Qorti

Il-Qorti tikkritika lill-awtoritajiet li ħallew kariga mportanti vakanti

Il-Qorti Ċivili, sezzjoni kummerċjali, ċaħdet it-talba ta’ Lidl biex tħassar deċiżjoni dwar kompetizzjoni fuq il-bażi li l-kariga ta’ Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni kienet baqgħet vakanti għal kważi sentejn. F’sentenza parzjali li ngħatat it-Tnejn, il-Prim’Imħallef Ian Spiteri Bailey ddeċieda li deċiżjonijiet iffirmati minn Direttur Aġent jibqgħu validi anke jekk ma jkunx hemm Direttur Ġenerali maħtur formalment.

Madankollu, l-Imħallef Spiteri Bailey ma naqasx milli jikkritika l-amministrazzjoni talli ħalliet kariga statutorja vitali tibqa’ vakanti għal kważi sentejn, filwaqt li rrimarka li ħatriet aġenti huma, bil-prinċipju tagħhom stess, soluzzjonijiet temporanji u mhux permanenti.

Lidl Malta u Lidl Immobiliare kienu sostnew li d-deċiżjoni li pprojbiet it-tranżazzjoni tagħhom kienet nulla, peress li l-Att dwar il-Kontroll tal-Konċentrazzjonijiet jagħti l-poter esklussiv lid-Direttur Ġenerali biex jaqta’ dawn il-każijiet.

Huma argumentaw li peress li l-kariga kienet vakanti minn Ottubru 2023, id-deċiżjoni kellha titqies bħala ineżistenti u t-tranżazzjoni bħala awtomatikament approvata. Il-kumpaniji enfasizzaw li l-projbizzjoni kienet iffirmata minn “Melchior Vella, Direttur”, titlu li ma jaqax mal-poteri tal-Direttur Ġenerali skont il-liġi.

L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni, iżda, wieġeb li ma setax iħalli kollox għaddej u ried jiżgura kontinwinà amministrattiva. Il-Bord tal-MCCAA kien ħatar lil Vella bħala Direttur Ġenerali Aġent għall-konċentrazzjonijiet f’Novembru 2023, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità regolatorja u jitħarsu d-drittijiet tal-partijiet fi ħdan l-iskadenzi stretti preskritti mil-liġi.

Barra minn hekk, ġie spjegat li Lidl stess kienet ħadet sehem attiv fl-investigazzjoni, u anke aċċettat deċiżjoni preċedenti favur tagħha li kienet ukoll iffirmata minn Vella, mingħajr ma qatt qajmet kwistjoni dwar l-awtorità tiegħu.

Tqajmu l-oġġezzjonijiet biss wara li r-riżultat ma kienx jiffavorihom, xi ħaġa li l-Uffiċċju sostna li tmur kontra prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE, fosthom dak li jipprojbixxi parti milli tikkontradixxi l-imġiba tagħha stess.

Mix-xhieda rriżulta wkoll li l-vakanza kienet magħrufa pubblikament u li ssejħu diversi applikazzjonijiet biex timtela l-kariga, għalkemm ma ngħatat l-ebda notifika formali lill-partijiet konċernati. Is-Segretarju Permanenti Jonathan Vassallo xehed li d-dewmien kien dovut għal diffikultajiet biex jinstab kandidat xieraq, raġuni li l-Qorti aktar ’il quddiem iddeskriviet bħala skuża “pwerrili”.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti enfasizzat li l-ħatriet aġenti huma mekkaniżmu essenzjali biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika, u li anke l-Kostituzzjoni tipprevedi soluzzjonijiet temporanji għal karigi ewlenin meta jkun hemm bżonn.

In-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għal “Direttur Ġenerali Aġent” fil-liġi tal-kompetizzjoni ma jfissirx li tali ħatra ma tistax issir, speċjalment f’qasam sensittiv bħal kontroll tal-mergers fejn l-iskadenzi huma mandatorji.

Il-Qorti wisset li l-pożizzjoni ta’ Lidl twassal għal xenarju ta’ “free for all u anarkija totali” kull darba li l-kariga tkun vakanti, sitwazzjoni li tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt pubbliku u kontra l-interess ġenerali tas-suq.

B’riżultat ta’ dan kollu, il-Qorti ċaħdet l-ewwel talba ta’ Lidl, ikkonfermat il-validità tad-deċiżjoni tal-kompetizzjoni, u ordnat li l-kawża tkompli għall-eżami tal-punti l-oħra mqajma. L-ispejjeż ta’ din is-sentenza parzjali ġew imposti fuq l-applikanti, u kopja tas-sentenza se tintbagħat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u uffiċjali għolja oħra għal aktar attenzjoni.