Lokali Qorti

Ipprova ‘jaqbeż’ is-sigurtà tal-Ajruport għax l-bagalja tiegħu qabżet il-limitu tal-piż

Raġel ta’ 36 sena mill-Ghana ammetta li pprova “jaqbeż” is-sigurtà tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li ma tħalliex jitla’ fuq titjira minħabba li l-bagalja tiegħu qabżet il-limitu tal-piż. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt, li sema’ kif Daniel Ackom kien waqaf fil-gate tat-tluq nhar il-Ħadd waqt li kien qed jipprova jitla’ fuq titjira lejn Treviso, fl-Italja.

Skont ix-xhieda tal-Ispettur Roxanne Tabone, l-imputat injora l-istruzzjonijiet tal-impjegati tal-ajruport u pprova jgħaddi bil-forza biex jitla’ fuq l-ajruplan. Ackom ġie mwaqqaf fuq il-post u spiċċa arrestat. Meta ttieħed l-għassa, il-Pulizija sabu li kien liebes “ħafna saffi” ta’ ħwejjeġ, probabbilment biex inaqqas il-piż tal-bagalja.

F’ħin minnhom waqt is-seduta, huwa għolla l-ġakketta tat-tracksuit biex juri top ieħor taħtha, kif ukoll jeans taħt il-below track tiegħu. Wara li ammetta l-akkużi, il-Qorti lliberatu bil-kundizzjoni li ma jikkommettiex reat ieħor għall-perjodu ta’ sentejn.