Il-Kap tal-PN Alex Borg laqa’ lill-istudenti li matul il-ġurnata tat-Tnejn iċċelebraw il-gradwazzjoni tagħhom mill-Università ta’ Malta. Dan hekk kif komplew il-buscades tradizzjonali – fejn spikka l-ferħ ġenwin ta’ dawn iż-żgħażagħ.
Fost dawk li gradwaw, kien hemm l-istudenti li temmew il-kors tal-farmaċewtika kif ukoll it-terapisti. Dan filwaqt li anke l-istudenti tal-European Studies organizzaw buscade separata.
Waqt li feraħ lil dawn l-istudenti, Alex Borg awguralhom għall-futur tagħhom – sew jekk se jkomplu bl-istudji, u anke dawk li deħlin fid-dinja tax-xogħol fl-oqsma rispettivi.
Din is-sena qed jiggradwaw b’kollox 1,718-il student mill-Università ta’ Malta; numru li fi kliem l-Università stess qed ikompli jikkonferma x-xogħol kbir li jsir minn din l-ogħla istituzzjoni edukattiva f’pajjiżna.
B’kollox, kienu 657 l-irġiel li gradwaw, filwaqt li kien hemm 1,057 mara.
257 minn dawn l-istudenti gradwaw mill-Fakultà tal-Ekonomija u l-Accounts, 193 mill-Fakulta tal-Arti, 186 fix-Xjenza u 169 mill-kors tal-liġi. Dan filwaqt li għexieren ta’ studenti oħra gradwaw mill-korsijiet l-oħrajn li toffri l-Università.





