Lokali Qorti

Mixli li attakka raġel li kien għaddej bil-kelb

Raġel ta’ 53 sena mill-Għargħur tressaq il-Qorti akkużat li attakka raġel li kien għaddej bil-kelb tiegħu, f’episodju li allegatament dam madwar “għaxar minuti” qabel ma persuna oħra interveniet u waqqfitlu. Francis Bezzina deher quddiem il-Maġistrat wara li ġie akkużat li kkaġuna feriti fuq il-vittma, li insulentah, hedddu u kiser il-paċi pubblika.

Skont l-Ispettur Clayton Abela, l-inċident seħħ filgħaxija tal-14 ta’ Novembru meta l-vittma kien miexi bil-kelb tiegħu fi Triq San Ġwann, Għargħur. Il-Qorti semgħet kif Bezzina, li jgħix ftit metri ’l bogħod, allegatament ħareġ minn daru u kkonfronta lir-raġel.

L-affarijiet eskalaw malajr, u l-akkużat jidher li sar aggressiv, u beda jsawwat lill-vittma bid-daqqiet ta’ ponn u daqqiet ta’ sieq għal diversi minuti. L-attakk waqaf biss meta karozza li kienet għaddejja waqfet, u s-sewwieq niżel biex jgħin, fejn ġibed lill-vittma u lill-kelb ’il bogħod biex itemm il-ġlied.

Bezzina wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat, bl-avukat difensur Robert9 Montalto jgħid li l-vittma u l-akkużat ma jafux lil xulxin. Il-Prosekuzzjoni qalet xorta iżda hemm riskju ta’ tfixkil tal-provi, u li l-vittma tinsab imbikkma u mbeżża’ li terġa’ tiltaqa’ mal-akkużat, li jgħix inqas minn ħames minuti bogħod mid-dar tagħha.

Il-Qorti, wara li semgħet ix-xhieda u l-argumenti, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni kienet rappreżentata mill-Avukat Miguel Taliana, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit mill-Ispettur Abela.