Il-mudell preżenti li għażel il-Gvern għall-ekonomija laħaq il-limitu. U l-pajjiż jeħtieġ jara shift lejn produttività aħjar, u strateġija li tmur lil hinn minn miżuri short term.
Din hija l-analiżi li għamel l-ekonomista JP Fabri meta ta ħarsa dettaljata lejn il-Budget għas-sena 2026.
Mal-MaltaToday, JP Fabri stqarr li bħala pajjiż irridu nibdew dak li hu sejjaħ “tiġdid” ekonomiku sabiex nibqgħu reżiljenti u produttivi.
U filwaqt li bħala pajjiż nitkellmu b’mod pożittiv fuq il-GDP, irridu naraw x’effetti qed ikun hemm fuq is-soċjetà – il-pressjoni fuq l-infrastruttura, u l-kwalità tal-ħajja. Dan kollu jpoġġina f’salib it-toroq, sostan JP Fabri.
Fabri iddikjara li ma nistgħux nibqgħu nibbażaw fuq dak li hu sejjaħ “volume driven” – fi kliem sempliċi, fuq il-kwantità.
Hawn, semma’ l-ħtieġa li jsiru riformi importanti. U mhux neħlu ma’ miżuri li jkunu short-term.
JP Fabri jemmen li n-nies iridu jiġu diżinċentivati jużaw il-vettura privata sabiex iduru għat-trasport tal-massa. Apparti minn hekk, tefa’ dawl fuq id-demografija u ż-żieda fil-popolazzjoni. U f’dan ir-rigward, is-soluzzjonijiet ma jistgħux jieqfu ma’ terminu ta’ elezzjoni ġenerali.
L-ekonomista JP Fabri jitkellem anke fuq riforma importanti fis-settur edukattiv – xi ħaġa li, fi kliemu, hija urġenti. U xi ħaġa li jekk ma ssirx, se twassal biex l-istudenti tagħna jaqgħu lura.
//= $special ?>

