Lokali Qorti

Multa talli hedded mara b’sitt xhur tqala fuq kwistjoni ma’ żewġha

Raġel ta’ 53 sena nstab ħati li hedded u għajjat lejn mara li kienet sitt xhur tqila, u minħabba f’dan il-Qorti tal-Maġistrati mmultatu u ċanfritu bil-miftuħ għall-imġiba tiegħu, li l-Qorti ddeskriviet bħala “deplorevoli u kompletament evitabbli”.

Il-każ seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2022, meta l-vittma kienet bilqiegħda f’karozza wieqfa quddiem darha, tistenna lil bintha ta’ tliet snin li kienet ġejja mill-iskola. Żewġha kien ġewwa jagħmel xi xogħol li kkawża ħafna trab, u hija ħarġet barra sakemm ilesti.

F’dan il-mument waqaf biswit il-karozza vann misjuq mill-akkużat, Paul Magri. Skont ix-xhieda tal-mara, Magri beda jgħajjat lejha u juża kliem oxxen, u saħansitra heddidha b’ton aggressiv, jgħidilha: “Issa tkun taf x’ser nagħmillek!”. Minkejja li ma kellha l-ebda konfront miegħu qabel u lanqas biss tafu, l-aggressjoni verbali seħħet għal raġunijiet relatati ma’ kwistjoni tax-xogħol li l-akkużat kellu ma’ żewġha xi żmien qabel.

Il-mara, li kellha l-mobile f’idha, irrekordjat dak li ġara u immedjatament ċemplet lil żewġha biex joħroġ barra. Meta dan ħareġ, Magri kien laħaq telaq, iżda meta rah barra l-bieb reġa’ lura u l-affarijiet eskalaw fi skambju ta’ argumenti bejniethom.

Il-Maġistrat Monica Vella qalet li l-imġiba tal-imputat ma kellhiex skuża u setgħet kienet kompletament evitata. Hija osservat li l-akkużat mhux biss ikkonfronta mara tqila għal raġuni li ma kinitx relatata magħha, iżda reġa’ lura għal konfront meta ra lil żewġha barra, “jistiednu għall-ġlied” u jkabbar il-problema minflok jikkalma s-sitwazzjoni.

Il-Qorti sabitu ħati li hedded u insulta lill-mara, u bħala konsegwenza mmultatu €100. Barra minn hekk, ordnatlu jiffirma obbligazzjoni ta’ €1,000 għal sena sabiex ma jersaqx lejha jew ma jinterferixxix magħha. Jekk jikser din l-obbligazzjoni, jista’ jiffaċċja pieni ferm aktar gravi.