Opinjoni

OPINJONI: BAĠIT 2026 – L-Enemalta tinsab f’riskju li titlef €60 miljun

F’dawn il-jiem fil-Parlament bdiet id-diskussjoni dwar il-Baġit għas-sena d-dieħla bix-Shadow Ministers Nazzjonalisti jressqul-argumenti tagħhom

Mark Anthony Sammut
IShadow Minister
għall-Enerġija
u l-Konservazzjoni tal-Ilma

Insellem lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-entitajiet li jaqgħu taħt dawn l-oqsma u f’ħafna każi jipprovdu servizzi essenzjali għal pajjiżna. L-ilma, id-dawl, id-drenaġġ, is-servizzi li meta jaħdmu tajjeb kulħadd jeħodhom for granted, imma malli jkun hemm xi problema fihom bir-raġun kollu kulħadd jiftakar kemm huma kritiċi.
Minkejja d-Diskors tal-Baġit u li dan hu l-aqwa wieħed fl-istorja ta’ Malta; Gvern li jgħid li jippremja l-bżulija u ta’ PL fil-Gvern li suppost hu Partit tal-ħaddiema… għandna ħaddiema li se jagħlqu sena bi ftehim kollettiv skadut.
Hemm il-ħaddiema tal-Enemalta u flimkien magħhom ukoll il-ħaddiema tal-Engineering Resources Ltd, dawk li kienu Eks Enemalta u tmexxew waqt il-proċess ta’ privatizzazzjoni meta nbiegħet terz tagħha lix-Shanghai Electric.
Dan juri n-nuqqas ta’ apprezzament lejn ix-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema.
L-apprezzament ma nuruhx biss billi mmorru nieħdu r-ritratti magħhom fit-trinek għall-midja soċjali, imma billi nagħtuhom il-kundizzjonijiet li jixirqilhom. Nittama li ma jiġrix bħalma ġara lil ħaddiema oħra li għamlu snin bi ftehim kollettiv skadut, u li l-proċess javvanza u jingħalaq fil-ġimgħat li ġejjin.

Id-drenaġġ mormi l-baħar
Hu ta’ għajb ukoll li fl-2025 erġajna qed narmu d-drenaġġ fil-baħar. Fl-2010, dan il-pajjiż kien l-ewwel pajjiż fil-Mediterran li kien jitratta d-drenaġġ kollu, kollu, qabel dan jintefa’ fil-baħar. Ħmistax-il sena ilu!
Issa “fl-aqwa żmien”, il-Gvern PL qed jerġa’ jitfa’ d-drenaġġ mhux trattat fil-baħar. Naturalment wieħed jistaqsi jekk morniex lura jew ’il quddiem!
Issa għadna nistennew li jingħalaq il-proċess ta’ offerta pubblika biex jitkabbar l-impjant tat-tisfja tad-drenaġġ f’Taċ-Ċuminja u f’Għawdex, li issa kkonfermajna li mhux ilaħħqu mad-domanda. Dan il-Baġit qed jivvota miljuni biex jiġu upgraded dawn l-impjanti u nibdew inlaħħqu mad-domanda.
Tajjeb imma dan hu każ ieħor fejn dan il-Gvern mexa b’management by crisis u ħalla t-tkabbir fil-popolazzjoni jiżdied bla kontroll mingħajr ma jaħseb għall-infrastruttura meħtieġa.
Imbagħad ninvestu fl-infrastruttura u naġixxu meta litteralment niġu ngħumu fil-ħama.

Id-distribuzzjoni tal-elettriku
L-istess kif kien qed jiġri fid-distribuzzjoni tal-elettriku… snin twal mingħajr ma sar l-investiment meħtieġ. Imbagħad meta l-infrastruttura bdiet tikkrolla u n-nies batew minn ġimgħat ta’ blackouts, sħana, spejjeż żejda, affarijiet jintremew, każi nies li mietu għax l-apparat tan-nifs ma ħadmilhomx, imbagħad qbadna ninvestu.
Tant ma kienx hemm pjan li spiċċajna fis-sitwazzjoni fejn jinqalgħu toroq li kienu saru ġodda ftit xhur jekk mhux ġimgħat qabel, biex issa nsaħħu l-infrastruttura tad-dawl.
U ġieli l-istess triq terġa’ tinqala’ ftit wara għax imbagħad niftakru li rridu nsaħħu anke d-drenaġġ. Nispera li dawn il-kummiedji, u sparpaljar ta’ flus ma nibqgħux narawhom spiss.
Issa f’dawn il-ġranet sirna nafu wkoll li l-Enemalta, qiegħda f’riskju li titlef €60 miljun minn negozjati ta’ ċertifikati tal-carbon credits. Issa mill-press briefing li ġiet rappurtata f’dawn il-jiem, jien qed nifhem li għaddejjin proċeduri legali biex l-Enemalta tirkupra lura dawn il-flus.
Ħa nevita milli nikkummenta direttament dwar il-każ innifsu għax bl-ebda mod ma rrid nippreġudika l-każ tal-Enemalta, jew ngħid xi ħaġa li tista’ tagħmel ħsara lill-pożizzjoni ta’ pajjiżna f’dawn il-proċeduri.
Imma ma nistax ma nikkummentax dwar in-nuqqas ta’ trasparenza. Qed nitkellmu dwar riskju ta’ ammont sostanzjali, ta’ entità daqshekk kritika, li għalkemm illum mihix kompletament tal-Gvern, imma 70% tal-ishma tagħha huma tal-Gvern. Biex ma nsemmux il-miljuni ta’ sussidji mill-fondi pubbliċi li tieħu.

Nuqqas ta’ trasparenza
U allura nippretendi li jkun hemm ċertu kontabbilità lejn it-taxpayer. Sirna nafu b’din l-istorja biss għax ġiet esposta fil-midja u kien biss wara li ġiet esposta, li saret press briefing.
Kont nippretendi li din il-press briefing isir ġimgħat ilu, meta kien ċar x’ġara u kien deċiż il-passi li se tkun qed tieħu l-Enemalta, mhux sirna nafu xahrejn u nofs wara, u biss meta l-istorja ġiet esposta mill-ġurnalisti.
F’dan il-kwadru tajjeb li wieħed jistaqsi x’oversights hemm fl-Enemalta. Min hu kontabbli u min hu responsabbli ta’ dawn id-deċiżjonijiet? Fejn jidħol il-mod kif l-Enemalta tagħmel dawn it-trades, kif tixtri l-enerġija, (Electrogas, Shanghai, Interconnector), hemm overseeing committee li jagħmel reviews ta’ dawn id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu kuljum?
Qed nagħmel dawn il-mistoqsijiet għax f’dan is-settur, daqshekk kruċjali bħall-enerġija, sfortunatament għadna mifnija b’dil-kultura ta’ nuqqas ta’ trasparenza, jekk mhux ta’ ħabi kultant. Kont ngħidha meta kont nixxedowja dan is-settur sentejn ilu, u nibqa’ ngħidha llum.

Dewmien fil-ħruġ tal-accounts
Anke fejn jidħlu l-audited accounts tal-Enemalta. L-aħħar kontijiet awditjati li ġew filed mal-Malta Business Registry huma tal-2022. Sa issa, bil-Liġi, suppost li ġew filed l-audited accounts tas-sena l-oħra, tal-2024. Imma għadhom lanqas ġew filed l-accounts tal-2023. Għalfejn? Għalfejn dan id-dewmien?
Għalfejn kumparat ma’ pajjiżi oħra, tidħol f’websites ta’ transmission networks fl-Ewropa, tara kważi live, real-time, minn fejn qed jieħdu l-enerġija, fejn sejra, xi prezzijiet hemm fuq is-suq. Trasparenza totali.
Hawnhekk xejn. Ikollna statistika biss li toħroġ snin wara. Audited accounts joħorġu snin wara.
Hawn hemm ħafna xi jsir, u hemm ħafna x’nagħmlu wkoll biex insaħħu r-rwol tar-Regolatur tal-Enerġija. Ir-rwol tar-Regolatur mhux biss li jħaddem l-iskemi tal-Gvern. Ir-Regolatur xogħlu huwa li jara li l-operatur qed jilħaq l-obbligi tiegħu lejn il-konsumatur. Biex il-konsumatur ikollu min jipproteġih.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.