Opinjoni

OPINJONI: Mill-mibegħda m’hemmx imgħax

Ugo Mifsud Bonnici
President Emeritus
ta’ Malta

Kultant għadni nisma’ xi eku jidwi ’l hawn u ’l hemm ta’ xi storja, bejn il-verità u l-finzjoni, ta’ xi darba meta xi partitarji skoprew li nies tal-politika, avversarji, jieklu jew jixorbu flimkien.
Daqqa nsib min jirrakkontali xi ikla ta’ missieri ma’ Bartlu (Sir Augustus Bartolo) f’Għawdex. Daqqa Nerik Mizzi u Strickland. Ma naħlifx kemm huma veri. Li naf hu li dejjem, il-kumment ta’ xi wħud kien ikun: “Tajba bin, aħna nitmasħnu u nitqatlu, u huma jixorbu flimkien.”
Fil-Lobby ta’ Parlament mhux suppost li jidħlu barranin. Waħda mir-raġunijiet hi żgur dik li tneħħi s-suġġizzjoni lid-deputati li ma jkunux iridu ’l min jarahom jixorbu mal-avversarji. Hawn anki esaġerata.
Jiena u Guido (l-Onorevoli Dottor de Marco) tgħidx kemm stagħġibna meta rajna partitarja tieħu pjaċir tisma’ d-dettalji ta’ ġlieda bl-idejn bejn deputati. Ċerti nies jieħdu gost. Mhux biss jippretendu li bejn l-avversarji ma jsirx xorb u daħk, iżda li anki jkun hemm il-mibegħda. Hawn min ifakkrek fl-għajdut antik: nirrahom jagħmlu d-demm.

Nuqqas ta’ maturità
Dawn għalija huma sinjali ta’ nuqqas ta’ maturità. Lanqas il-pajjiż in ġenerali ma għadu jemmen illi għandek toqgħod ’il bogħod minn dawk li ma taqbilx magħhom.
Tmur tiġijiet “imħallta” bil-gzuz. Il-familji tagħna jilqgħu għandhom nies li ma jaqblux magħhom. Fiż-żminijiet meta nkunu mbiegħda minn elezzjoni, ħafna nies kapaċi, bit-tolleranza kollha mhux biss jieklu, jixorbu u jgawdu ma’ min ma jaqbilx magħhom politikament, iżda wkoll jiddiskutu l-punt u jammettu n-nuqqasijiet tal-linja politika tal-partit tagħhom. U din hi ħajja ċivili. Jalla tixtered iktar u tibqa’ sejra anki fi żmien l-elezzjonijiet.

Il-ġlied tal-klassi
Hawn min jibża’ li dan is-sentiment idgħajjef il-linja politika tal-Partit, speċjalment meta jkun fl-Oppożizzjoni. Hawn min jaħseb li biex tirbaħ l-elezzjoni għandek iżżomm lil tiegħek imkesksa l-ħin kollu bħall-oħrajn.
Malli tonqos il-qilla, jaħsbu xi wħud, jibda dieħel id-dubju. Ħafna partiti tax-xellug jaħsbu li għandhom iżommu dejjem ħajja l-ġlieda tal-klassi, għaliex din il-molla biss tista’ tbiddel is-soċjetà. Jgħidulek li din li tippruvaw tħabbu u tlaqqgħu ma hix ħaġa oħra ħlief kampanja tagħkom biex tmewtu l-forzi tat-tibdil.

Imħuħ magħluqa
Ħadd ma hu assolutament obbligat jiekol u jixrob ma’ kulħadd. Hawn opportunisti li jdardruni. Hawn min għandu moħħu tant hu magħluq, illi naħseb biss fih, naqta’ nifsi. Hawn min tant għandu mibegħda u sadiżmu f’qalbu li diffiċli ferm tista’ ġġerrħu. B’danakollu kulħadd hu bniedem. Tista’ tobgħod id-dnub u mhux il-midneb.
Tistmerr l-iżball u mhux lil min jagħmlu. U din mhix biss regola tal-ħajja Nisranija. Hija regola wkoll ta’ ħajja għaqlija. Mill-mibegħda ma tieħu xejn.

Piki u ċokon
Pajjiżna fih wisq piki. Rħula żgħar f’partiti tal-baned akkaniti u feroċi. Ġirien, nisa aktarx, iżda anki rġiel, mehdija b’xulxin, f’tellieqa kontinwa bejniethom.
Jiena dan il-poplu naf, u fuq dan il-poplu naf, u fuq dan il-poplu nista’ nitikellem. Popli oħra aktarx li għandhom difetti agħar u ikbar. Aħna donnu nbatu mill-istess ċokon tagħna. Il-ħajja mgeddsa ta’ ħafna nies iħokku l-ħin kollu ma’ xulxin iġġib l-irritazzjoni. Min għadu jiftakar il-ġlied fil-familji Maltin fi żmien il-gwerra li għaddiet meta ħafna kienu rifuġjati flimkien jifhem għaliex iċ-ċokon iġib il-ġlied. U hawn ħafna wkoll li fiċ-ċokon ta’ moħħhom għandhom imbagħad marsusa idea kbira żżejjed tal-importanza tagħhom.

Niftħu qlubna beraħ
Il-festi jserrħu. U jressqu n-nies flimkien, anzi jiftħu l-qlub tal-maġġoranza tan-nies. Li jħossuhom qalbhom iktar kbira. Hemm numru żgħir li fil-festi jridu jċekknu, jinku, jpattu. Il-kotra tifraħ. U l-ferħ ma jnebbaħx deni. Issa qed tieħu d-drawwa li t-turisti jeħduhom jaraw il-festi tal-irħula tagħna.
Nistħajjel x’impressjoni jagħmlulhom dawk id-djar ta’ tant Maltin ilellxu bil-linef u bil-pavaljuni, lesti biex jilqgħu għall-grokk jew flixkun birra, lil kull min jinzerta. Huma simbolu ta’ kif aħna niftħu qalbna beraħ u narmu tant u tant frustrazzjonijiet (sempliċement dwejjaq, skont l-ilsien tan-nisa tal-irħula).

Bżonn il-ħbiberija
Meta tkun żagħżugħ tfittex il-kumpanija. Bla ma toqgħod tgħarbel iżżejjed. Aktar ma tikber aktar tagħżel bejn dik li hi l-vera ħbiberija. Ċiċerun kiteb “De Amicitia” meta beda jixjieħ. Meta nkunu żgħar inkunu aktar ġenwini u għalhekk aktar nafdaw.
Meta nikbru nkunu ngdimna tant u tant drabi li nkunu drajna l-bżonn li ngħarblu. Iżda dejjem għandek bżonn il-kumpanija, u iktar ma nikbru għandna bżonn il-ħbiberija. Mur ilgħab waħdek fi tfulitek, ixxala waħdek f’żogħżitek, aħdem waħdek fi kburitek, u bati s-solitudni fi xjuħitek.
Il-bniedem hu annimal soċjali. Mhux biss għandu bżonn materjali tal-għajnuna ta’ sħabu, għandu l-bżonn tas-soċjetà tal-bnedmin sħabu anke ġol-istess fosdqa tal-ħajja interna ta’ ruħu u ta’ moħħu.

Il-mibegħda tfixkel
Aħna n-nies tal-politika għandna r-responsabbiltà miżjuda u mtaqqla. Inħajru u ntellfu l-aptit. Insaħħnu u nberrdu. Inkesksu u nippaċifikaw. Bil-kelma u bl-eżempju. Kultant ikun jaqbel jekk naraw is-siwi veru ta’ dak li nagħmlu. Ngħid għalija, naħseb li t-tibdil li hemm bżonn tista’ ġġibu bla mibegħda. Naħseb ukoll li l-mibegħda tfixkel it-tibdil u ġġib ukoll reazzjoni kontra tiegħu. Il-mibegħda tfixkel il-moħħ u lir-rieda ssaħħaħha biss momentarjament. Fit-tul, tgħajjiha.

Napprezzaw il-ħbiberija
Għalhekk utli għal pajjiżna li napprezzaw iktar il-ħbiberija. U li jsirulha l-festi.

Nota Editorjali:
Għal din l-okkażjoni ħassejna li għandna nsellmu u nirringrazzjaw lil dan il-politiku billi nippubblikaw opinjoni tiegħu stess pubblikata f’din il-gazzetta Il-Mument nhar il-Ħadd, 11 ta’ Ġunju tal-1978… opinjoni li l-messaġġ tagħha jibqa’ attwali anki llum.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.