It-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, presedut mill-Maġistrat Charmaine Galea, ċaħad l-appell ta’ Bartolomeo Gatt kontra talba mill-Awtorità tad-Djar biex iħallas aktar minn sitt elef ewro f’arretrati ta’ kera fuq dar f’Santa Venera.
Gatt kien sostna li l-ammont mitlub kien żbaljat, għax ma kienx jikkunsidra s-sussidju fuq il-kirja kif previst fil-ftehim tal-2012, u għax fih kienu inklużi pagamenti li hu kien diġà għamel. Għall-kuntrarju, l-Awtorità tad-Djar argumentat li għal snin twal Gatt baqa’ jibqa’ lura fil-ħlas minkejja diversi ftehimiet ta’ pagamenti li ffirma fl-2014, fl-2017 u fl-2022 — kollha biex jillikwida arretrati li baqgħu jakkumulaw.
Gatt qal li huwa jgħix b’diżabilità in vista ta’ inċident a kawża ta’ splużjoni u minġabba dan għandu bżonn jieħu madwar 30 pillola kuljum. Matul is-sena kurrenti, rċieva komunikazzjoni uffiċjali mingħand id
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u li permezz tagħha hu ġie avżat li t-tobba tad-Dipartiment huma tal-fehma li huwa għadu inkapaċi għal xogħol xieraq.
Barra minn hekk huwa qiegħed ukoll taħt kura psikjatrika, li għandu wkoll familja li tiddependi fuqu;
Illi l-ammont indikat fl-ittra uffiċjali mhuwiex dovut peress li tali ammont jinkludi pagamenti li diġa’ saru minnu u jeskludi s-sussidju li għandu mnaqqas ai termini tal-klawzola ntal-ftehim datat it-12 ta’ Novembru tas-sena 2012.
Qal li qiegħed jagħmel pagamenti regolari sabiex iżomm mal-obligazzjonijiet tiegħu skond il-ftehim datat 12 ta’ Novembru tas-sena 2012, u għandu l-ħtieġa kollha li jagħmel il-pagamenti dovuti minnu, inkluż kwalunkwe arretrati dovuti minnu.
Ulterjorment qal li huwa jiddependi fuq il-pensjoni tal-invalidià, li minnha jħallas ukoll l-ispejjez kollha sabiex ikun jista’ jgħajjex lill-familja tiegħu, inkluż il-kirja u l-arretrati. Il-Qorti qalet li mill-provi rriżulta li l-kirjiet kienu sussidjati, iżda li Gatt kien ilu snin jitħalla lura, inkluż perjodu twil bejn l-2019 u l-2022 fejn ma sar l-ebda ħlas. Il-kera attwali tammonta għal €70 fix-xahar. L-unika differenza fil-kont kienet tikkonċerna żewġ pagamenti ta’ €150 li Gatt għamel f’Mejju 2025, li għadhom kellhom jitnaqqsu mill-ammont finali.
It-Tribunal osserva li dan ma kienx żball tal-Awtorità, iżda sempliċement ħlasijiet li saru wara li kienet innotifikat l-ittra uffiċjali. Fil-konklużjoni tagħha, il-Maġistrat Galea qalet li l-Awtorità tad-Djar kienet offriet lil Gatt bħal kull għajnuna possibbli u diversi ċansijiet biex isewwi l-arretrati, iżda l-obbligu tiegħu li jħallas baqa’ ma jintlaħaqx.
Hija rrimarkat ukoll li l-Awtorità qed tipprovdilu akkomodazzjoni b’kera meqjusa baxxa meta mqabbla mas- suq privat, u li r-raġel ma pprovax bl-ebda mod li l-ammont mitlub kien żbaljat jew infondat. Għaldaqstant l-appell ta’ Gatt ġie miċħud, u l-Awtorità tad-Djar ingħatat raġun b’mod sħiħ, bil-kont li għandu jitnaqqas biss bl-ammont li r-rikorrent ħallas wara l-intavolazzjoni tal-ittra. L-ispejjeż ġew imposti fuq Gatt.
//= $special ?>

