Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li seraq mobile, flus u oġġetti minn fuq persuna wara li ħebb għalih

Raġel bla xogħol ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq mobile, flus u oġġetti oħra minn vittma li kien ħebb għalih fil-Pinetum Gardens, il-Furjana. Redent Azzopardi, żagħżugħ ta’ 23 sena li bħalissa jinsab qed jiskonta sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, tressaq il-Qorti t-Tnejn waranofsinhar.

L-Ispettur Roxanne Tabone spjegat kif il-vittma kien irreġistra rapport fil-pulizija, jgħid li s-serqa seħħet fil-30 ta’ Settembru, u li l-akkużat ħadlu l-mobile, il-card tal-bank Lombard, il-permess ta’ residenza u ammont ta’ flus kontanti.

L-investigazzjonijiet wrew li l-bank card intużat f’Bormla, u permezz tal-kameras tas-sigurtà u informazzjoni oħra, il-pulizija identifikat lil Azzopardi bħala l-persuna li użatu. Huwa ġie arrestat ftit wara. Azzopardi ammetta l-akkużi waqt li deher il-Qorti, u għalhekk il-Maġistrat Joseph Gatt ikkundannah sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Barra minn hekk, ġie ordnat li jħallas lill-vittma €25 fix-xahar matul sena, bħala kumpens.

Il-Qorti wissiet lill-akkużat biex jżomm ruħu fl-aħjar imġiba u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Clive Aquilina mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Lydon Zammit u Clive Aquilina, filwaqt li Yanika Barbara Sant dehret għal Azzopardi bħala avukat tal-għajnuna legali.