Id-difensur ta’ Valletta, Steve Borg huwa r-rebbieħ tat-TGS Fair Play Award li jkopri l-perjodu bejn Lulju u Settembru 2025.
Dan il-premju ta’ kull tliet xhur huwa mogħti mill-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien mal-Malta Fair Play Movement, b’kollaborazzjoni ma’ Together Gaming Solutions. Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għall-ġest altruwistiku ta’ fair play f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.
Il-ġest ta’ Fair Play li għalih qed jingħata dan l-unur seħħ eżatt fi tmiem il-partita futbol tal-Kampjonat YoHealth Malta Premier li ntlagħbet nhar is-Sibt 16 ta’ Awwissu 2025 bejn Valletta u Birkirkara. Steve Borg, meqjus bħala ġgant tal-futbol, minflok ma ġera biex jiċċelebra quddiem il-partitarji Beltin, mar mill-ewwel biex jgħin liż-żewġ plejers avversarji li kienu ħabtu ma’ xulxin fl-aħħar sekondi tal-partita.
Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions. Irrimarka li l-ġest ta’ sportività ta’ Steve Borg iħaddan l-ispirtu veru ta’ Fair Play, billi jqiegħed l-empatija u r-rispett lil hinn mir-rebħa u li juri kemm huwa plejer eżemplari.
Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret minn Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions u mill-viċi President Għaqda Ġurnalisti Sports Paul Cachia.
//= $special ?>

