Internazzjonali

Wara jiem ta’ ostakolar… Donald Trump issa qed jinsisti għall-pubblikazzjoni tal-files ta’ Epstein

                                                          

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, bidel id-diska dwar l-‘Epstein Files’… dokumenti klassifikati li kapaċi jitfgħu dubju dwar il-kredenzjali tiegħu bħala President tal-Istati Uniti f’każ li joħorġu d-dettalji li jimplikawh f’imġiba mhix aċċettabbli fi żmien meta hu kien ħabib u assoċjat ma’ Jeffrey Epstein – il-biljunarju pedofelu li kien involut fit-traffiku sesswali tat-tfajliet minorenni.

Epstein, li kien qed jinżamm fuq l-akkużi relatati ma’ dan it-traffikar, fl-2019, instab mejjet fiċ-ċella tiegħu waqt li kien qed jiskonta priġunerija fi New York – u Donald Trump, issa, ħeġġeġ biex id-deputati fil-Partit Repubblikan tiegħu jivvutaw għall-pubblikazzjoni tal-files relatati mal-biljunarju.

Fl-aħħar sigħat, Trump insista – wara ġranet sħaħ fejn deher li kien qed iżomm lura l-pubblikazzjoni tal-files – li l-Kamra tar-Rappreżentanti għandha toħroġ il-files għall-konsum tal-pubbliku għaliex ‘hu u l-kollegi tiegħu fil-Gvern ma għandhom xejn x’jaħbu’.

Din il-pożizzjoni ġdida ta’ Trump qed issegwi sitwazzjoni fejn id-Demokratiċi fil-Kamra tar-Rappreżentanti kienu qed joħorġu, gradwalment, uħud mid-dokumenti relatati ma’ Epstein… dokumenti li jirreferu wkoll għal Donald Trump li, min-naħa tiegħu, dejjem ċaħad li qatt kellu x’jaqsam mal-abbuż sesswali li sofrew diversi tfajliet taħt idejn il-biljunarju.

Iżda ħafna partitarji ta’ Trump xorta mhumiex konvinti u meta huma wkoll xettiċi dwar ir-relazzjoni li l-President u personalitajiet oħra prominenti kellhom ma’ Jeffrey Epstein.

Fil-fatt, dejjem aktar Repubblikani wrew li huma lesti li jmorru kontra l-partit tagħhom u jivvutaw favur l-abbozz li għandu jġiegħel lill-Gvern Amerikan jippubblika d-dokumenti kollha dwar Epstein u l-investigazzjonijiet kriminali fil-konfront tiegħu.

L-aħħar indikazzjonijiet kienu li hemm biżżejjed voti biex l-abbozz jgħaddi mill-Kamra tar-Rappreżentanti waqt vot imminenti. Intant, mhux ċar kemm dan l-abbozz għandu jgħaddi mis-Senat li wkoll jifforma parti mill-Kungress tal-Istati Uniti.

L-investigazzjonijiet dwar Jeffrey Epstein qed jibbażaw fuq eluf ta’ dokumenti  li jinkludu transcripts tal-intervisti li saru mal-vittmi u x-xhieda – u meta ta’ interess simili hemm xi oġġetti li spiċċaw ikkonfiskati mid-diversi proprjetajiet tal-biljunarju.

Intant, il-poplu Amerikan qed jirreferi, kontinwament, għall-materjal li għadu mhux ippubblikat bħala ‘The Epstein Files’.

Fl-istess ħin, Donald Trump għadu qed jgħid li l-attenzjoni fuq il-files hi dovuta għal ‘qerq xprunat mid-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni li jridu juru lill-Gvern immexxi minnu f’dawl ħażin’. Hu allega li d-Dipartiment tal-Ġustizzja anki ‘qed iħares’ lejn diversi Demokratiċi prominenti – fosthom l-Eks President Amerikan Barack Obama – b’konnessjoni ma’ dawn il-files u rigward ir-relazzjonijiet li huma setgħu kellhom ma’ Epstein.

Fl-aħħar sigħat, ikkummenta wkoll l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Mike Johnson, li sostna li ‘il-President tal-Istati Uniti għandu jdejh nodfa fil-każ ta’ Epstein’.

Johnson, Repubblikan, sostna li l-President Trump mhux inkwetat dwar il-files iżda, fl-istess ħin, ‘hu rrabjat għall-fatt li d-Demokratiċi setgħu jibdlu issue f’ballun politiku.’

Madankollu, is-segwaċi tal-każ qed jirreferu kontinwament għar-ritratti ta’ Trump ma’ Epstein waqt avvenimenti soċjali u li kienu ttieħdu ħafna qabel Trump sar President tal-Istati Uniti. Dan minkejja li Trump qed ikompli jinsisti li ‘ma kien jaf assolutatment xejn dwar l-attivitajiet kriminali tal-biljunarju’.