Ekonomija Lokali

47,504 persuna qed ikollhom jagħmlu xogħol part-time … apparti dak full-time

F'sena, il-ħaddiema mal-Gvern reġgħu żdiedu b'2,261

L-għadd taʼ nies li f’Ġunju li għadda kellhom kemm impjieg part-time kif ukoll ieħor full-time laħħaq s-47,504 – żieda taʼ 10.1 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar fl-2024.

Dan ħareġ ċar miċ-ċifri li ppubblika l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, u li minnhom wieħed jista’ joħroġ analiżi interessanti tat-trends fil-qasam tax-xogħol – speċjalment fejn jidħol xogħol part-time, u anke impjiegi mal-Gvern.

Skont l-NSO, fʼĠunju li għadda, in-numru taʼ persuni rreġistrati li jaħdmu full-time kien jammonta għal 297,338 persuna.

L-ammont taʼ ħaddiema li kellhom part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom laħaq is-36,384 – żieda taʼ 5.5 fil-mija fuq Ġunju 2024.

L-istess statistika tal-Gvern turi li n-numru taʼ persuni jaħdmu full-time fis-settur privat laħaq il-242,940. U l-għadd taʼ persuni jaħdmu full-time fis-settur pubbliku żdied bʼ4.3 fil-mija minn Ġunju 2024 u kien jammonta għal 54,398. Dan fisser li f’sena l-ħaddiema mal-Gvern reġgħu żdiedu b’2,261 persuna.

Fuq il-livelli rreġistrati fʼĠunju 2024, l-ammont taʼ rġiel bʼimpjieg full-time laħaq il-178,929 persuna, filwaqt li l-ammont tan-nisa laħaq il-118,409 persuni.