Lokali Qorti

Annulata sentenza dwar inċident fatali tat-traffiku li kien seħħ fl-2017 fl-Imġarr

Il-Qorti tal-Appell Kriminali annulat sentenza mogħtija lil Godfrey Gambin wara li kkonkludiet li l-piena imposta mill-Qorti tal-Maġistrati kienet tmur lil hinn minn dak li jippermetti l-liġi. Id-deċiżjoni ngħatat mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Gambin kien instab ħati f’April li għadda li kkawża l-mewt ta’ Jane Mary Turner f’inċident li seħħ fit-Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr, fil-20 ta’ Awwissu 2017. Turner, li ma kinitx liebsa ċ-ċinturin tas-sigurtà, kienet intremiet ’il barra mill-karozza u mietet fuq il-post. Il-vettura l-oħra involuta kellha sewwieq li kien spiċċa l-isptar għal kura, filwaqt li Gambin huwa wkoll kien ittieħed l-isptar f’kundizzjoni serja.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannatu erba’ snin ħabs effettivi, multa ta’ €11,600, sospensjoni ta’ tliet xhur mil-liċenzja tas-sewqan u ordni biex iħallas il-ħlasijiet tal-esperti. L-appell tiegħu kien ibbażat prinċipalment fuq il-fatt li s-sentenza kienet nulla mit-tluq.

L-Artikolu 225(1) tal-Kodiċi Kriminali jgħid ċar li l-qtil involontarju jista’ jiġi ppunit b’massimu ta’ erba’ snin ħabs jew multa li ma taqbiżx €11,646.87. Skont l-argument ta’ Gambin, il-Qorti tal-Maġistrati ma setgħetx timponi ż-żewġ pieni flimkien.

Matul is-seduta tal-appell fit-23 ta’ Ottubru, il-partijiet qablu li s-sentenza kkontestata kienet effettivament qabžet il-limiti tal-liġi. Il-Qorti tal-Appell għalhekk laqgħet l-argument tan-nullità u ddeċidiet li l-kombinazzjoni tal-pieni kienet barra mill-parametri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni.

Minħabba li s-sentenza ġiet iddikjarata nulla, il-Qorti ma qagħditx tiddiskuti l-bqija tal-punti tal-appell, fosthom il-valutazzjoni tal-provi, il-kontribut possibbli ta’ negliġenza min-naħa tal-vittma, il-piż tar-rapport tal-espert u l-proporzjonalità tal-piena oriġinali. Dawn il-kwistjonijiet issa se jerġgħu jmorru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex jiġu eżaminati mill-ġdid.

Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell ħassret is-sentenza kollha u rritornat il-kawża lura lill-Ewwel Qorti biex il-proċeduri jibdew mill-ġdid skont il-liġi, u biex tibqa’ garantita d-dritt tal-akkużat għal evalwazzjoni doppja tal-mertu tal-każ. Gambin kien rappreżentat mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.