Internazzjonali

F’anqas minn sentejn mietu l-għexieren tal- Palestinjani fil-ħabsijiet ta’ Iżrael

Rapport ġdid tal-grupp Physicians for Human Rights Israel (PHRI) qal li talanqas 94 priġunier Palestinjani spiċċaw mietu fil-ħabsijiet ta’ Iżrael f’anqas minn sentejn.

Dan kien l-aktar rapport speċifiku għal xhur dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri li qed jinżammu f’Iżrael u meta l-grupp li ħareġ bl-istatistika jgawdi reputazzjoni tajba fejn jidħol rappurtaġġ dwar id-drittijiet umani.

Fil-fatt, dan il-grupp qed jallega dwar ‘prattika ta’ qtil sistematiku u cover-ups’ qalb is-servizzi tal-ħabs f’Iżrael – bil-kelliema għal dawn is-servizzi jtennu li ‘qed jaċċertaw li l-funzjoni tagħhom iżżomm mal-kriterji tal-liġi, filwaqt li tibqa’ taħt il-moniteraġġ tal-awtoritajiet għas-sorveljanza tal-ħabsijiet’.

Ir-rapport jitratta l-perjodu bejn is-7 ta’ Ottubru tal-2023, meta l-Ħamas wettaq l-attakk terroristiku storiku fuq Iżrael, u l-31 ta’ Awwissu li għadda. Intant, qed jingħad li fl-għaxar snin preċedenti kienu mietu ‘anqas minn 30 Palestinjan waqt kundizzjonijiet ta’ priġunerija f’Iżrael’.