Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ivvota favur ir-riżoluzzjoni mressqa mill-Istati Uniti u li tappoġġja l-pjan ta’ 20-punt għall-Medda ta’ Gaza…Pjan li tħejja fuq l-inizjattiva tal-President Amerikan, Donald Trump, innifsu.
Il-pjan, fost oħrajn, jesiġi għat-twaqqif ta’ forza speċjali għaz-zamma tas-sigurtà f’Gaza…Forza li ngħatat l-isem ta’ International Stabilisation Force (ISF) u li tkun magħmulha mill-kontinġenti tas-suldati mibgħuta minn diversi pajjiżi.
Ir-riżoluzzjoni kienet appoġġjata minn 13-il pajjiż – fosthom ir-Renju Unit u Franza — b’ħadd ma jivvota kontra. Dan meta r-Russja u ċ-Ċina astjenew wara li ma qablux ma ċerti aspetti tal-pjan.
Madankollu, il-pjan tal-Istati Uniti għal Gaza intlaqa’ b’mod pożittiv mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres. Dan waqt li l-kelliema għal Guterres qalu li l-addozzjoni tal-pjan qed jitqies bħala pass importanti lejn il-konsolidazzjoni tal-waqfien mill-ġlied li għadu qed iżomm fil-Medda ta’ Gaza.
Sadanittant,il-grupp terroristiku tal-Ħamas li għadu jikkontrolla art sostanzjali f’Gaza ma aċċettax ir-riżoluzzjoni bħala wieħed li, fi kliemu, ma jissodisfax id-drittijiet u x-xewqat tal-Palestinjani.
Il-Ħamas, issa, qed jgħid li l-forza għas-sigurtà proposta qed timponi bilfors sistema ta’ moniteraġġ militari fuq il-poplu Palestinjan b’mod li jtelliflu l-libertà’.
Hu minnu wkoll li l-Ħamas lanqas ma jrid sitwazzjoni fejn din il-qawwa internazzjonali timponilu proċessi ta’ diżarm minbarra li ‘tiffriża’ r-reżistenza tal-Palestinjani. Il-kelliema għall-grupp sostnew li l-pjan ukoll għandu jneħħi n-newtralità ta’ Gaza minbarra li jibdel it-territorju f’bażi għall-okkupazzjoni Iżraeljana.
Ir-riżoluzzjoni tippermetti biex l-ISF taħdem flimkien ma’ Iżrael, l-Eġittu u qawwa ġdida tal-Pulizija Palestinjana biex, flimkien, iħarsu liz-zoni mal-fruntiera ta’ Gaza. Huma jridu wkoll jaċċertaw il-proċess għal diżarm permamenti tal-gruppi armati mhux fuq livell ta’ Stat u li jinkludu, fost oħrajn, il-Ħamas.
Dan meta l-pulizija f’Gaza, sallum, kienu qed jaħdmu taħt l-awtorità tal-grupp terroristiku.
Min-naħa tiegħu, Mike Waltz, bħala l-Ambaxxatur Amerikan għan-Nazzjonijiet Uniti, informa lill-Kunsill tas-Sigurtà li l-ISF se tkun anki qed tappoġġja d-demilitarizzazzjoni ta’ Gaza, filwaqt li żżarma l-infrastruttura terroristika qalb it-territorji. Impenn importanti ieħor jinvolvi t-tneħħija tal-armamenti minn Gaza flimkien mal-inizjattivi li jappoġġjaw, f’kull ħin, is-sigurtà taċ-ċivili Palestinjani.
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU approva wkoll it-twaqqif ta’ entità għal governanza bl-isem Bord għall-Paċi u li għandu jissorvelja t-tmexxija ta’ Kumitat teknokratiku Palestinjan, flimkien mar-rikostruzzjoni ta’ Gaza u t-trasport tal-għajnuna umanitarja lir-residenti Palestinjani.
Il-finanzjament tar-rikostruzzjoni ta’ Gaza wara sentejn ta’ gwerra, sadanittant, se jibbaża fuq trust fund li l-piż tiegħu, skont it-termini tar-riżoluzzjoni, se jintrefa’ mill-Bank Dinji.
Fl-aħħar sigħat, il-President Trump fisser il-vot tal-Kunsill tas-Sigurtà bħala wieħed ‘storiku’ filwaqt li saħaq li l-impenji u l-iżviluppi sussegwenti għandhom jiġġeneraw il-paċi mhux biss fil-Lvant Nofsani iżda wkoll madwar id-dinja.
Fl-istess ħin, Iżrael għadu sallum jopponi t-twaqqif ta’ Stat tal-Palestina – b’dan l-atteġġjament qed ikompli jostakola l-inizjattivi lejn art uffiċjali għall-Palestinjani.
//= $special ?>

