Lokali

“Il-lista ta’ stennija għall-housing soċjali terġa’ tiżdied imma ftit ilu Roderick Galdes qalilna li tnaqqset bin-nofs” – PN

Il-Ministru Roderick Galdes ikun qed jiżgwida lill-pubbliku meta jgħid li l-lista ta’ stennija għall-housing soċjali tnaqqset bin-nofs. 

Hekk sostna Ivan Bartolo ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni u spjega li ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Galdes qalilna li bejn l-2024 u l-2025 aktar minn 900 familja daħlu fi djar ġodda u l-lista ta’ stennija naqset bin-nofs meta mqabbla ma’ dik tal-2017.

Filwaqt li sa ftit ilu l-Ministru kien qed jikkwota ċ-ċifra ta’ 1,600 applikazzjoni pendenti, sal-bieraħ stess, minn Mistoqsija Parlamentari li ġiet imwieġba fil-Kamra tad-Deputati minn Roderick Galdes stess, irriżulta li bħalissa hemm 1,890 applikazzjoni pendenti fil-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali – li hija żieda ta’ kważi 300 fuq l-ammont li suppost kien hemm ftit tal-ġimgħat ilu.

Dan apparti li anke dawn iċ-ċifri huma qarrieqa għax ma jirriflettux is-sitwazzjoni reali.

Għax biex juri li l-lista ta’ stennija naqset, il-Ministru Galdes qabad u neħħa mil-lista ta’ dawk li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali l-exchanges, jiġifieri dawk li jixtiequ jbiddlu l-unit tagħhom. Lil dawn, 750 b’kollox, Roderick Galdes mill-2017 beda jpoġġihom f’lista għalihom, u b’hekk il-lista ta’ stennija naqset drastikament, jew almenu hekk jidher li ġara, meta mqabbel mal-2017, li hija s-sena li qed iqabbel magħha.

Ikkontribwiet ukoll biex tonqos il-lista ta’ stennija l-iskema Nikru biex Nassistu – l-istess skema, imma b’isem differenti, li daħħal il-Gvern Laburista fl-2017 minflok l-iskema Kiri li l-istess Ministru tant kien imaqdar meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni.

Dan ifisser li wara 12-il sena bil-Labour fil-gvern, il-pajjiż għadu fl-istess sitwazzjoni, bl-applikazzjonijiet mhux talli ma naqsux imma talli żdiedu bi 300 fi ftit xhur, minkejja l-mantra li ninsabu fl-aqwa żmien.

Il-Partit Nazzjonalista ifakkar kif qabel l-aħħar elezzjoni l-Ministru kien ftaħar bil-units li kien se jqassam, u kien qal li se jkollna aktar units milli persuni fil-lista tal-istennija. Dan meta fir-realtà fl-ewwel snin ta’ Gvern Laburista lanqas biss kien inbena unit wieħed. 

Fl-istess diskors li għamel fil-Parlament dwar l-estimi tal-Budget 2026 fejn semma l-lista ta’ stennija, il-Ministru Galdes ftaħar ukoll dwar kif il-Gvern għaddej bi proġett ta’ mijiet ta’ appartamenti affordabbli f’diversi lokalitajiet fosthom f’Ħal Kirkop.

Ironikament, fl-aħħar sigħat ħarġet l-aħbar li t-tender tal-Awtorità tad-Djar għall-blokka ta’ appartamenti tal-housing f’Ħal Kirkop ġie revokat minħabba li d-Dipartiment tal-Kuntratti sab li fil-proċess ta’ evalwazzjoni kien hemm nuqqasijiet proċedurali. Dan wassal biex l-Awtorità se jkollha terġa’ tibda l-assessjar ta’ dan il-proġett ta’ €3.7 miljun mill-bidu.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru Galdes biex jagħti spjegazzjoni ċara ta’ x’wassal eżatt biex it-tender jiġi revokat, u x’wassal biex il-bord ta’ reviżjoni tal-kuntratt pubbliċi jiddikjara li ma ġewx sodisfatti l-kriterji ta’ standards ambjentali fl-istadju tal-kostruzzjoni. Il-Ministru Galdes għandu jispjega wkoll b’kemm se jaqa’ lura dan il-proġett issa li l-proċess se jkollu jerġa’ jibda mill-bidu.