Internazzjonali

Il-Polonja: Indikazzjonijiet li l-aġenti tar-Russja riedu jwettqu katastrofi qalb  in-network tal-ferroviji

L-indikazzjonijiet kollha huma li r-Russja, fil-preżent, qed taħseb biex twettaq l-azzjonijiet li jikkaġunaw l-istraġi u l-kaos fil-Polonja…Dan bħala parti minn pjan li jinvolvi s-sehem tal-aġenti sigrieti affiljati mal-Kremlin.

Il-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk, żvela li żewġ ċittadini Ukreni li ilhom involuti mal-aġenziji sigrieti tar-Russi, spiċċaw identifikati bħala suspettati involuti f’żewġ azzjonijiet ta’ sabutaġġ immirati għan-network tal-ferrovija fil-Polonja.

Wieħed mis-suspettati kien diġà kkundannat dwar azzjonijiet ta’ sabutaġġ fl-assenza tiegħu…Azzjonijiet li, skont Donald Tusk, kienu twettqu fl-artijiet Pollakki lejn il-Punent.

Il-Prim Ministru Tusk, nhar it-Tnejn, kien żar ix-xena ta’ waħda mill-isplużjonijiet viċin ta’ Mika, lejn ix-xlokk ta’ Varsavja u wara li twettqu l-ħsarat sinifikanti f’linja tan-network tal-ferrovija li twassal sal-fruntiera tal-Ukrajna. Dan waqt li Tusk irrefera għal azzjonijiet ta’ sabutaġġ bla preċedent f’pajjiżu.

L-iżviluppi gravi qed jikwetaw lill-membri tas-Sejm, il-Parlament tal-Polonja, u meta għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet fis-sit ta’ splużjoni oħra f’linja tal-ferrovija viċin ta’ Pulawy… Inċident li wassal biex ferrovija ffullata bil-passiġġieri tagħmel waqfien ta’ emerġenza biex tevita l-konsegwenzi traġiċi.

Fl-aħħar sigħat,  kelliema għall-Ministeru Pollakk għas-Servizzi Speċjali wkoll tennew li s-sinjali kollha qed jippuntaw lejn azzjonijiet ostili minn aġenti li qegħdin jaħdmu fl-interessi tar-Russja.Ingħad ukoll li l-intenzjoni ta’ dawn l-aġenti kienet ċara u meta huma għamlu minn kollox biex jikkaġunaw ‘sitwazzjoni katastrofika għall-ferroviji’ fil-Polonja.’

Il-Prim Ministru Tusk, sadanittant, qal li ma kellux jiżvela l-ismijiet taż-żewġ suspettati minħabba li pass bħal dan għandu jikkomplika l-investigazzjonijiet attwali. Hu kien lest jgħid biss li wieħed mis-suspettati x’aktarx li rriloka lejn il-Belarus u li s-saboteur l-ieħor hu residenti xi mkien fl-Ukrajna.