Il-President tal-Veneżwela, Nicolás Maduro, qed jidher b’dahru mal-ħajt taħt il-pressjoni tal-Istati Uniti – u meta l-Gvern Amerikan jidher determinat biex iqaċċat lir-reġim tax-xellug preżenti f’Karakas…Intant, Maduro, issa, qal li jinsab lest għal taħditiet wiċċ-imb-wiċċ mar-Rappreżentanti tal-Gvern Amerikan, fost il-biża’ li l-qawwiet tal-Istati Uniti jwettqu azzjoni militari diretta kontra pajjiżu.
Fil-fatt, Maduro jidher li qed iċedi għall-pressjoni wara li l-President Amerikan, Donald Trump, mill-ġdid, qal li mhux jeskludi li jibgħat lill-morini fl-artijiet tal-Veneżwela.
L-Istati Uniti ilha takkuża lil Maduro bħala l-Kap Ewlieni ta’ cartel tad-droga li qed jinfiltra lill-ibliet ewlenin tal-Amerikani. U Donald Trump lanqas mhu jaċċetta l-validità tal-Gvern Veneżolan, bl-Istati Uniti u numru ta’ pajjiżi oħra jemmnu li Maduro seta’ jirbaħ biss l-aħħar elezzjoni għall-Presidenza permezz ta’ kampanja ta’ qerq u manipulazzjoni bla heda.
Min-naħa tiegħu, Maduro qed jakkuża lill-Istati Uniti dwar pjan biex tinċita gwerra bl-iskop li taħtaf kontroll tar-riservi kbar taż-żejt fil-Veneżwela.
//= $special ?>

