Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iżur l-iskola Hand in Hand bħala parti mill-attivitajiet għall-Jum Dinji tat-Tfal
It-tfal ma jitrabbewx waħedhom. Bħala politiċi għandna r-responsabbiltà li nipprovdu l-għodda biex kull tifel u tifla jkollhom l-aqwa opportunitajiet biex jikbru u jiżviluppaw u jilħqu l-ogħla abbiltajiet tagħhom.
Waqt żjara fl-iskola Hand in Hand fir-Rabat, Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg faħħar ix-xogħol li jsir mill-professjonisti li jaħdmu ma’ tfal b’abbiltajiet differenti, fosthom tfal bl-awtiżmu.

Din l-iskola tibbaża s-servizzi li tagħti fuq il-kollaborazzjoni, il-fiduċja u l-progress u toffri edukazzjoni alternattiva għal studenti li għandhom bżonn ambjent u metodoloġija differenti.
L-iskola, parti mill-grupp CareMalta tal-familja Vassallo, hija impenjata li tagħti definizzjoni ġdida ta’ kif għandu jiġi ttrattat l-awtiżmu u qed taddotta approċċ progressiv u olistiku li jiġi mgħoddi wkoll lill-persuni li jieħdu ħsieb tfal bl-awtiżmu u lill-familji tagħhom.
Jingħad li madwar 5% tat-tfal Maltin għandhom l-ADHD u li wieħed minn kull 60 tifel jew tifla jinsab fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Istituzzjonijiet bħal dawn huma kruċjali biex jagħtu s-sostenn kemm lit-tfal kif ukoll lil dawk li jieħdu ħsiebhom.
Bosta familji qed ikollhom idumu x-xhur jew is-snin jistennew biex uliedhom ikollhom assessments iniżjali u li jingħatalhom LSE biex ikollhom l-appoġġ meħtieġ minn età bikrija.
Apparti minn dan, huwa wkoll importanti li niftakru f’diversi tfal oħra li twieldu jew ġew jgħixu f’Malta minn ġenituri barranin li qed jaħdmu fostna jew għandhom l-istat ta’ refuġjati. Dawn huma tfal ukoll u pajjiżna għandu obbligu lejhom ukoll.
Din iż-żjara kienet tagħmel parti mill-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal li jaħbat nhar il-Ħamis 20 ta’ Novembru.

Hu u jżur din l-iskola, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza tal-investiment fil-ħarsien tat-tfal. Qal li fejn hu possibbli t-tfal ma għandhomx ikunu mċaħħda minn struttura ta’ familja, u fejn dan ma jkunx possibbli għandu jkun hemm strutturi oħra li jistgħu jagħtu post sigur fejn dawn it-tfal jistgħu jittrabbew b’għożża.
Irridu niġġieldu l-faqar li llum sar realtà ta’ ħafna aktar tfal. Wieħed minn kull erbat itfal f’pajjiżna llum qed jgħix f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Kiber anke n-numru ta’ tfal li qed imorru l-iskola bil-ġuħ. Dan minbarra t-tfal li qed jgħixu f’ambjenti xejn sani u qed ibatu bullying, ansjetà jew sitwazzjonijiet li qed jagħmlulhom ħsara lis-saħħa mentali tagħhom.
Il-Jum Dinji tat-Tfal ma għandux biss ikun ġurnata ta’ tifkira imma għandu jkun xprun għal aktar azzjoni.
Il-PN se jkompli jagħmel politika favur it-tfal kollha billi jipproponi numru ta’ mizuri, u fost l-oħrajn se jara li jkun hemm:
- Bini ta’ ċentru modern u dinjituż għal Child and Young People Services (CAYS)
- Aktar sostenn finanzjarju lil familji u tnaqqis fit-taxxa tal-ġenturi
- Aktar skejjel moderni u aktar riżorsi għal dawn l-iskejjel
- Sostenn qawwi lit-tfal fl-ispettru tan-newrodiversità u lill-familji tagħhom minn età bikrija u tnaqqis fil-lista ta’ stennija fis-CDAU
- Livell aħjar ta’ kwalità fiċ-childcare centres
- Ħidma aktar qawwija ma’ tfal vulnerabbli
- Spazji aktar miftuħa għat-tfal biex jilagħbu
- Osservatorju nazzjonali għal tfal sa seba’ snin biex ikun hemm politika olistika
- Miżuri biex ikun hemm bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja
- Child Trust Fund li jkun jipprovdi għall-futur ta’ kull tifel jew tifla.
Preżenti għal din iż-żjara, flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għan-Newrodiversità u l-Ħarsien tat-Tfal Albert Buttigieg, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea u x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri.


