“Gvern ġdid Nazzjonalista se jpoġġi s-settur tas-saħħa fuq quddiem nett għaliex il-ħaddiema ħaqqhom l-aħjar kundizzjonijiet possibbli.”
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel għand l-MUMN fejn kompla jwassal il-viżjoni tiegħu għal pajjiżna.

Matul diskussjonijiet li saru, Alex Borg fakkar fil-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-istudenti li qed jistudjaw għal infermiera jingħataw paga minima nazzjonali bil-għan li aktar studenti jidħlu għal din il-karriera tant importanti.
Huwa fakkar ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista kommess illi jibni sptar ġdid f’Għawdex u jagħmel xogħolijiet infrastrutturali fl-isptar St Luke’s u Karin Grech.
F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif mal-MUMN kellu diskussjoni mill-aktar interessanti fejn tkellmu dwar dak li jeħtieġu l-infermeieri kif ukoll wera tħassib għall-fatt li kaġun tal-isplużjoni fil-popolazzjoni l-infermieri mhux ilaħħqu mal-pressjoni li qed ikollhom fuqhom.
Apparti minn hekk, huwa qal li mal-President tal-MUMN Paul Pace tkellmu dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw ta’ kuljum. U kif taħt it-tmexxija tal-Gvern ta’ Robert Abela s-settur tas-saħħa spiċċa kompletament għarkubbtejh.
Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Stephen Spiteri, Ivan Castillo u Ian Vassallo.
Illum il-ġurnata l-MUMN tirrapreżenta tal-anqas 5,000 infermier.
Din il-union bdiet topera fl-1996.



