Pollakk ta’ 32 sena ammetta fil-Qorti li matul għall-ħabta tal-4am. ta’ nhar it-Tnejn li għadda waqt li kien alloġġat f’guest house fi Triq il-Kbira fil-Mosta kkawża disturbanza meta kisser diversi oġġġetti fil-post li jeċċedu s-somma ta’ 2,500 ewro.
Szymon Jasionowsky li qal li jgħix l-Ingilterra u jaħdem f’maħżen ammetta li kisser bibien, siġġijiet, imwejjed u anke kisser xi ħġieġ tal-guesthose. L-Ispettur Bradley Grima qal li r-rapport sar minn sid l-istabbiliment u meta marru l-Pulizija għall-ħabta tal-4.49am. huma sabu lill-akkużat fi stat mhux normali, qiesu fis-sakra.
Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li fil-kamra tiegħu nstab qartas bil-kokaina. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadia Helena Vella wissiet lill-Polakk li tali ammissjoni għandha piena massima ta’ erba’ snin ħabs. Qalet ukoll li hija ma kienitx se tagħti s-sentenza qabel ma huwa jħallas għad-danni kollha li kkawża, u dan wara li saret talba mid-difiża biex l-akkużat jingħata sentenza sospiża, liema talba ma sabitx oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni.
Jasionowsky qal li hu lest li jħallas u li qed jipprova jagħmel kuntatt mal-membri tal-familja tiegħu biex jibgħatulu l-flus, imma sa issa ma jistax jaqbadhom. Huwa qal li għandu titjira għal l-Erbgħa, biex imur l-Ingilterra. Il-Qorti qalet li se tagħti s-sentenza nhar il-Ħamis fl-10.30am. L-Avukat Victor Bugeja deher għall-akkużat filwaqt li l-Ispettur Bradley Grima mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>

