Knisja Kummerċ Lokali

L-Arċidjoċesi ta’ Malta tissieħeb mal-azzjonist maġġuri ta’ Corinthia Group biex jittrasformaw Casa Leone

Ritratt: Ian Noel Pace – L-Arċidjoċesi ta’ Malta

L-Arċidjoċesi ta’ Malta daħlet fi ftehim ma’ CPCHL, l-azzjonist maġġuri ta’ Corinthia Group, biex Casa Leone XIII tinbidel f’dar tal-anzjani mill-aktar moderna. Ir-residenza, li tinsab fuq sit ta’ 8,000m2 fil-qalba ta’ San Ġiljan u li bħalissa takkomoda 98 resident anzjan, se jsir xogħol fiha biex issir waħda mid-djar ewlenin tal-anzjani f’Malta.

Skont il-ftehim, CPHCL se jinvesti fil-propjetà u jieħu rwol attiv fl-iżvilupp, il-ġestjoni u l-operat tar-residenza, u attivitajiet relatati, għall-50 sena li ġejjin. Ix-xogħol se jitqassam b’tali mod li jħalli lid-dar tal-anzjani tkompli topera b’mod normali matul dan il-proċess. Fil-fatt ir-residenti kollha se jibqgħu jgħixu fiha.

Michael Pace Ross, Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, qal: “L-għarfien espert ta’ CPHCL fl-immodernizzar ta’ proprjetajiet notevoli, flimkien mal-għarfien espert internazzjonali tagħhom fl-ospitalità u servizzi relatati, jiżgura li Casa Leone jkollha futur tajjeb ’il quddiem.”

Jean Pierre Schembri, il-Kap Eżekuttiv ta’ CPHCL, qal li l-kumpanija se tinvesti biex tirranġa d-dar minn ġewwa u ttejjibha minn barra, kif ukoll tkompli tiżviluppa partijiet mill-propjetà bil-għan li żżid in-numru ta’ sodod.

“Il-viżjoni tagħna hi li nittrasferixxu l-għarfien kollu tagħna fl-ospitalità, il-catering, laundry, landscaping u attivitajiet oħra relatati mat-tmexxija tad-djar tal-anzjani – billi nibdew minn Casa Leone. Il-prinċipji maniġerjali tagħna se jkunu bbażati fuq il-kwalità, is-sostenibbiltà u l-kura. Filwaqt li l-proċess ta’ rinovazzjoni se jsir f’fażijiet differenti, se nagħmlu ħilitna biex nagħmlu impatt pożittiv mill-ewwel ġurnata u nassiguraw li Casa Leone ssir dar tal-għażla.”

F’laqgħa mal-ħaddiema, ir-residenti u qrabathom, is-Sur Pace Ross saħaq li l-ethos tal-Knisja Kattolika u l-valuri li tħaddan se jibqgħu jiġu rispettati l-ħin kollu, u li r-residenti se jgawdu minn din is-sħubija.

Il-General Workers’ Union, li tirrappreżenta l-ħaddiema ta’ Casa Leone,  inżammet aġġornata b’dawn l-iżviluppi. Kendrick Bondin, is-Segretarju tat-taqsima tal-GWU li tirrappreżenta lill-impjegati, qal li wara djalogu kostruttiv u rispettuż, il-union se tibqa’ impenjata bin-negozjati tagħha ma’ min se jibda jħaddem. Dan sabiex jiġġedded ftehim kollettiv li jirrifletti l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema.

Casa Leone se tibqa’ propejetà tal-Knisja, filwaqt li l-ftehim jieħu ħsieb li jibqa’ jkun hemm taħriġ kontinwu tal-istaff biex ikompli jissaħħaħ l-istandard ta’ kura offrut lir-residenti.

Din is-sħubija hija pass sinifikanti biex jiġi żgurat li Casa Leone tibqa’ sservi lill-komunità b’dinjità, kura u eċċellenza għal għexieren ta’ snin.

Dwar Casa Leone XIII

Il-bini li jġib l-isem tal-Papa Ljun XIII oriġinarjament kien tas-Sorijiet tal-Kumpanija ta’ Marija, magħrufa aħjar bħala l-Blue Sisters. Oriġinarjament is-Sorijiet kienu mistiedna Malta fl-1894 mill-Arċisqof Pietro Pace, li talabhom biex imexxu dar għall-morda, u eventwalment ħadu l-pussess tal-fond eżistenti. Il-kunvent kien inawgurat mill-Gvernatur Grenfell f’Ottubru 1900 u msemmi għall-Papa Ljun XIII, li kien approva l-Kumpanija ta’ Marija fl-1882. Matul is-snin, id-dar tkabbret u ntużat bħala sptar fosthom diviżjoni tal-maternità. Meta l-Blue Sisters tkeċċew minn Malta f’Diċembru 1980, id-dar ingħalqet sakemm ġew konklużi arranġamenti ġodda bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Gvern Malti. Casa Leone eventwalment reġgħet fetħet f’Diċembru tal-1985 bħala dar tal-anzjani mmexxija mis-Sorijiet tal-Karità. Fl-2005 bdiet topera bħala dar tal-anzjani taħt l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Dwar CPHCL

CPHCL hija l-akbar azzjonista fil-Corinthia Group, isem sinonimu mal-beni immobbli, il-lukandi u l-operat tagħhom sa mill-1968. Il-Grupp hu wkoll nofs is-sid ta’ MIH, il-kumpanija li għandha Palm City fil-Libja. Din fiha aktar minn 400 residenza u llum hija waħda mill-iktar residenzi esklussivi fil-Libja. Barra minn hekk, CPHCL bħalissa topera u/jew hija involuta f’diversi negozji f’Malta, fosthom Swan Laundry, The Danish Bakery, Quality Talent (RQT), Palace Landscaping, Palace Concierge, Palace Residences, u MFCC.