Lokali Parlament

L-impjant ta’ emerġenza li sewa €37 miljun baqa’ ma ntużax

L-impjant ta’ emerġenza għall-ġenerazzjoni tal-enerġija tal-Enemalta li jaħdem bid-diesel u li sewa €37 miljun fuq snetejn spiċċa biex ma ntużax.

Dan kien konfermat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli meta wieġbet mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalosta Mark Anthony Sammut li staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika tgħid, meta u kemm-il darba intuża l-impjant ta’ emerġenza f’Delimara minn meta ġie installat.

Il-Ministru Dalli wieġbet li l-Enemalta topera bil-prinċipju N-1, biex tiżgura li s-sistemi tal-enerġija jkunu kapaċi jservu d-domanda, inkluż matul is-sigħat ta’ domanda għolja, inkluż f’każ fejn l-akbar sors ta’ ġenerazzjoni ma jkunx disponibbli.

L-Enemalta ikkummissjonat l-impjant ta’ ġenerazzjoni temporanju biex jitħaddem f’każijiet ta’ emerġenza jekk tinqala’ ħsara f’wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ġenerazzjoni, matul perjodi fejn id-domanda tkun l-aktar għolja. Dan l-impjant kapaċi jiġġenera 60MW u qiegħed hemm biex jiżgura provvista mingħajr interruzzjoni f’każ li wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ġenerazzjoni ma jkunx disponibbli.

Għalkemm l-Enemalta din is-sena laħqet peak demand ta’ kważi 650MW, dan l-impjant ma ntużax. Dan l-impjant se jkun qed jassigura l-prinċipju ta’ N-1 sakemm jiġi kkummissjonat it-tieni interconnector.