Basketball Sport

Luxol Sherries Estates bl-ewwel rebħa

Ritratt: Stephen Christopher Vella

Minn Colin Schembri

Luxol Sherries Estates 86

Athleta AtoZ 80

(22-23)(23-14)(22-20)(19-23)

Luxol Sherries Estates ħadu rebħa importanti kontra Athleta AtoZ 86-80 f’partita li baqgħet miftuħa sal-aħħar. Luxol kellhom kontribut b’saħħtu mill-bank (20 punt) u kienu aħjar ukoll fir-rebounds (47 kontra 38) u l-preċiżjoni fit-two-pointers (60.5%) tawhom il-marġni meħtieġ speċjalment fl-aħħar mumenti tal-partita. Luxol kienu mingħajr Nathan Xuereb u kellhom fil-line up iż-żagħżugħ Stefano Marra. Il-partita kellha bidu mill-isbaħ b’punti kontinwi fuq iż-żewġ naħat. Trippla ta’ Jayden Johnson poġġiet lil Luxol 8-4 minn fuq. Wara basket ta’ Wesley Jordan, kien hemm żewġ trippli fuq kull naħa. Luxol fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 22-14 wara run ta’ 8-2 b’Sandro Farrugia jsejjaħ time-out. Athleta rkupraw u kienu huma li għamlu run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Ivan Medved mal-buzzer għal skor ta’ 22-23. It-tieni sessjoni fetħet b’aktar trippli fuq iż-żewġ naħat qabel ma Luxol għamlu run ta’ 8-0 u reġgħu marru 32-29 minn fuq. Athleta wieġbu permezz ta’ Jordan però Luxol kellhom il-punti kontinwi ta’ Johnson biex baqgħu fuq quddiem għalkemm b’vantaġġ minimu. Lejn it-tmiem kien hemm id-debutt ta’ Marra u l-mossa ta’ Duncan Fenech ħalliet il-frott hekk kif trippla tal-istess player fl-aħħar sekonda għalqet il-perjodu fuq skor ta’ 45-37.

Wara l-intervall il-logħob kien maqsum hekk kif Athleta bdew tajjeb u għamlu run ta’ 9-2 b’punti minn Marcus Duffy u Goodman u waslu sa punt minn taħt 47-46. Luxol għamlu reazzjoni tajba u għaqqdu run ta’ 12-2 b’żewġ trippli minn Miguel Brincat u Johnson. Athleta reġgħu wieġbu bi break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Goodman u naqqsu d-distakk għal 3 punti 57-60. Luxol għamlu seba’ punti mingħajr risposta u temmew it-taqsima 10 minn fuq 67-57. Athleta baqgħu jissieltu fl-aħħar taqsima u approfittaw mit-turnovers ta’ Luxol u għal darb’oħra waslu sa’ basket ‘l bogħod 67-69 b’Fenech kostrett isejjaħ time-out. Iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin qabel ma Luxol għamlu run oħra ta’ 7-0 u minkejja l-aħħar trippla ta’ Goodman, kienu Luxol li ħarġu rebbieħa 86-80.

Luxol Sherries Estates: A. Azzopardi, I. Azzopardi 7, C. James 5, J. Johnson 24, M. Brincat 11, D. Tomasi 12, B. Smith 18, S. Capello 6, S. Marra 3.

Athleta AtoZ: K. Fabri, M. Duffy 6, S. Ebalashvili, R. Vitale 4, I. Bonnett 9, D. Goodman 26, M. Spiteri, A. Bozanic, I. Medved 4, L. Borg 2, W. Jordan 29, J. Cefai.

Referees: Gordon Barbara, Nelson Da Silva, Miguel De Flavia.

The Plaza Depiro 72

Starlites Revive 107

(11-26)(17-32)(21-23)(23-26)

Starlites Revive kienu ferm superjuri hekk kif għelbu lil The Plaza Depiro 107-72 f’wirja dominanti fuq iż-żewġt naħat tal-court. Starlites kienu ħafna aktar effettivi fiż-żona (60% kontra 49%) u ħolqu vantaġġ kbir permezz ta’ 26 punt minn turnovers u 34 punt fil-fast breaks. It-tim ta’ Paul Ferrante wkoll kiseb 21 punt mill-offensive rebounds u qabeż lil Depiro fir-ritmu tal-logħob tul il-partita kollha.Depiro kienu mingħajr Nikola Bozovic u għal Starlites kien nieqes Ian Felice Pace. Starlites kellhom l-aħjar bidu meta għamlu 9 punti mingħajr risposta. L-ewwel punti ta’ Depiro ġew minn Sean Galea u trippla ta’ Luca Stefanovic però Starlites komplew ikabbru l-vantaġġ b’run oħra ta’ 10-2 b’żewġ trippli ta’ Jackson Threadgill. Starlites għalqu l-ewwel sessjoni 26-11 minn fuq u fit-tieni taqsima kienu f’kontroll assolut tal-partita. Fost l-oħrajn, huma għamlu run ta’ 14-0 b’diversi punti u trippli minn Alec Felice Pace u marru 30 minn fuq 48-18. Depiro finalment kellhom risposta minn Trevon Reddish li kellhu trippla flimkien m’oħra minn Jean Paul Schembri. Starlites wieġbu permezz ta’ Kai Fabri u trippla oħra minn Threadgill għal skor ta’ 58-28.

Wara l-intervall l-andament tal-partita baqa’ l-istess bi break ieħor ta’ 10-2 minn Starlites bi trippli ta’ Felice Pace u Travis Fee. Għal Depiro Reddish u Cornelius kellhom punti konsekuttivi però dan ma żammx lil Starlites milli jkabbru l-vantaġġ wara aktar trippli minn Felice Pace għal skor ta’ 81-49. L-aħħar sessjoni kienet biss formalita hekk kif ir-riżultat kien deċiż. Għal kronaka, spikkaw il-baskets ta’ Zac Said Hollier u Giacomo Camilleri li fissru l-ewwel punti tagħhom mal-kbar fl-eta tenera ta’ 15-il sena. Il-bqija Starlites kienu f’kontroll totali u rebħu l-partita 107-72.

The Plaza Depiro: S. Galea 9, T. Reddish 27, N. Zivkovic 2, L. Stefanovic 8, JP Schembri 8, A. Trapani 2, M. Grubacic, J. Turner 3, S. Kenely, M. Sammut 7, C. Cornelius 6.

Starlites Revive: A. Felice Pace 19, K. Fabri, T. Fee 11, A. Aquilina, G. Camilleri 2, M. Fabri 9, Z. Said Hollier 4, M. Scerri 2, J. Iturmendi 8, J. Threadgill 30, M. Jallow 22.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nestor Rincon, Wendell Lim

Hibernians 116

Valletta Dream 93

(29-22)(39-23)(28-19)(20-29)

Hibernians u Valletta Dream offrew partita b’ritmu għoli li għamlet total ta’ 209 punt, iżda l-Pawlisti kienu ferm aktar konsistenti tul l-erba’ sessjonijiet u rebħu 116-93. Hibs kienu dominanti fiż-żona b’86 punt u għamlu wkoll differenza fil-fast breaks (59 kontra 27). Il-bank ta’ Hibs ta kontribuzzjoni kbira b’62 punt u minkejja l-isforz individwali ta’ Campbell u Murray, Hibernians żammew kontroll ċar mill-ewwel u qatt ma ħallew il-vantaġġ jintilef. Għal Valletta kienu nieqsa Stefan Vincic u Nikola Vasovic u Hibs kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom. Il-partita kellha bidu bilanċjat u kien hemm punt jifred liż-żewġ timijiet wara 4 minuti bil-Hibs fuq quddiem 8-7. Hibs però għamlu run ta’ 14-3 b’punti minn Elijah Simmons, Deonte Jackson u Stefan Simic fost l-oħrajn. Valletta rkupraw u trippli minn Tyler Murray u Ferdinand Lisondra reġgħu ressquhom viċin l-avversarji fejn id-distakk niżel għal basket 22-24. Hibs għalqu s-sessjoni b’5 punti għal skor ta’ 29-22. Fit-tieni taqsima kompla l-bilanċ bejn iż-żewġ timijiet hekk kif bdew jirrispondu lil xulxin b’Ivan Demcesen jikseb il-punti tal-Pawlisti u Campbell jirrispondi għal Valletta. Fir-raba’ minuta Hibs bdew run ta’ 13-0 b’aktar punti minn Demcesen flimkien ma’ Jackson u Hibs marru 19 minn fuq 54-45. Valletta waqqfuhom bi trippla ta’ Kieron Caruna però Hibs komplew b’run oħra ta’ 10-2. Campell ukoll għamel trippla għal Valletta qabel ma Hibs kellhom il-punti minn Teo Gjurovski, Matthew Gouder u Demcesen biex temmew it-taqsima 68-45 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Hibs komplew jikkontrollaw għalkemm kellhom l-isfortuna li jitilfu lil Matthew Gouder b’injury. Sas-seba’ minuta il-vantaġġ tagħhom kien ta’ 35 punt 90-55. Għal kumplament tal-perjodu, kien hemm punti fuq kull naħa għal skor ta’ 96-64. Hibs għaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Demcesen fil-bidu tar-raba’ sessjoni b’Valletta jwieġbu bi trippli ta’ Caruana u Murray. Hibs komplew b’run ta’ 10-2 b’Valletta jkollhom risposta minn Francesco Mifsud Bonnici u trippla ta’ Campbell. L-aħħar basket ta’ Hibs wasal minn Luke Attard biex il-players tagħhom kollha niżżlu isimhom fost l-iskorers hekk kif ħarġu rebbieħa 116-93.

Hibernians: N. Cassar 10, E. Simmons 11, A. Ajiboye 16, L. Attard 2, P. Stelmach 11, V. Kustudija 2, M. Gouder 9, D. Jackson 16, M. Attard 8, T. Gjurovski 4, I. Demcesen 21, S. Simic 6.

Valletta Dream: N. Grech 2, F. Mifsud Bonnici 5, K. Caruana 6, E. Campbell 44, T. Murray 24, F. Lisondra 6, C. Penaloza 4, M. Rieger 2.

Referees: Bernard Vassallo, Leonardo Silvero, Andre Attard