Toni Bezzina
Shadow Minister għat-Trasport,
Agrikoltura u Sajd
Waħda mill-problemi endemika li qiegħed iħabbat wiċċu magħha pajjiżna, hi l-kriżi tat-traffiku; problema li l-ebda żieda tal-COLA jew tnaqqis fit-taxxa ma tista’ qatt tagħmel tajjeb għalija.
Il-fatt li traġitt normali ta’ kwarta qed jieħu siegħa u siegħa u nofs, bil-konsegwenza li l-ħaddiema kollha, huma x’inhuma, qed jaħlu miżerjament sagħtejn kuljum biex immoru x-xogħol u jirritornaw id-dar, ġimgħa xogħol ta’ erbgħin siegħa qiegħda tiġihom ħamsin siegħa… żieda ta’ 20% ta’ xogħol li tagħhom ma jeħdux ċenteżmu.
U għalhekk, l-ebda kumpens ta’ anqas minn 20% tal-paga ta’ kull ħaddiem, ma jkun qed jagħmel tajjeb għat-telf ta’ ħin (biex ma nsemmux ukoll l-istress qawwi) fit-traffiku, li kulma jmur dejjem qed jiżdied.
Jekk nieħdu ħaddiem b’paga minima, din tiswieh minn tal-inqas €50 fil-ġimgħa: u ċioè aktar minn għaxar darbiet iż-żieda tal-COLA ta’ €4.66 fil-gimgħa. U għalhekk, dan hu Baġit li jagħtik €1 iżda minn taħt jeħodlok €10. Dan barra li jħallik b’xejn għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
Imma xħin toqgħod tikkunsidra kollox, issib li f’dak kollu li jirrigwarda l-kriżi tat-traffiku, Dan hu Gvern bla ebda pjan: Gvern li ma jarax aktar mill-ponta ta’ mnieħru. Gvern arroganti li proposti tajbin u importanti tal-Oppożizzjoni l-ewwel jirredikolhom, imbagħad jagħmilhom tiegħu u meta tiġbidlu l-attenzjoni li dawn kien ħareġ bihom il-Partit Nazzjonalista, bilkemm ma jippruvax jgħid li l-Partit Nazzjonalista kkupjahom mingħandu.
Imma bħalma dejjem ngħid, illum jew għada, iż-żejt dejjem jitla’ f’ wiċċ l-ilma.
It-trasport tal-massa
Kif għidt problema li fniet pajjiż u ġabitu fuq għarkupptejh hi l-kriżi tat-traffiku u tul dawn l-aħħar snin, il-Gvern PL ma għarafx isolvi l-akbar problema li ħoloq hu stess biż-żieda qawwija ta’ barranin, u ċioè t-traffiku.
Il-PN, anke mill-Oppożizzjoni, għamel minn kollox biex jipprova jikkonvinċi lill-Gvern PL li l-unika soluzzjoni għall-problemi li ħoloq hu stess hi l-introduzzjoni ta’ trasport tal-massa.
Kien il-PN li qabel l-elezzjoni tal-2017 ħareġ bi proposta konkreta u costed dwar dan il-qasam u kieku l-Gvern PL kien umli biżżejjed u rrikonoxxa li din kienet proposta li kienet se ssolvi darba għal dejjem il-problemi li ħoloq hu stess, kieku llum pajjiżna ma jinsabx fil-kaos u fil-kriżi li jinsab fihom.
Illum, tmien snin wara, il-Prim Ministru Robert Abela spiċċa joħlom fuq sistema ta’ trasport tal-massa lejl u nar: li mhux xi ħaġa ħażina. Anzi.
Il-bużillis taf fejn hu? Li fid-diskors tal-Baġit, l-Eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Robert Abela, Clyde Caruana, li llum hu l-Ministru tal-Finanzi u l-prim attur li faqa’ lil Malta bl-importazzjoni tal-ħaddiema barranin… meta kien Chairman Eżekuttiv tal-Job Plus u biex mingħalih imexxi ’l quddiem l-ekonomija ta’ pajjiżna, minflok ra li l-Maltin jitħallsu pagi ġusti għal xogħolhom, ħareġ b’dan il-mudell ekonomiku li ma jagħmilx sens.
Issa f’dan id-diskors tal-Baġit ma semma’ xejn kif pajjiżna jista’ joħroġ mill-kriżi tat-traffiku: evidentament, sitwazzjoni fejn l-id il-leminija ma tafx x’inhi tagħmel l-id ix-xellugija bir-riżultat li għal sena oħra, kull Malti u Għawdxi ser jibqa’ jeħel fit-traffiku.
It-taħwid fi ħdan il-Gvern PL ikompli jitħawwar: filwaqt li l-Prim Ministru jipprova jgħidilna li Gvernijiet Laburisti qatt ma introduċew taxxi ġodda, il-Ministru tal-Finanzi tiegħu, l-Hon Cyde Caruana, spiċċa jedded lill-poplu li biex jiġi introdott it-trasport tal-massa, irridu nħallsu t-taxxi u s-soprataxxi.
Mill-banda l-oħra, ħareġ mill-ewwel jikkontradixxih il-Ministru sieħbu fl-istess Kabinett… Chris Bonett… fejn fuq news portal lokali kien ikkwotat li qal li ‘ċar penalties now would be like a new tax’!
Għax bħallikieku mhux diġà qegħdin inħallsu għall-parkeġġ, imma minflok għall-parkeġġ qed inħallsu għal ħala ta’ ħin fit-traffiku u għall-istress fuq is-saħħa mentali tagħna… għalhekk spiss naraw fuq il-midja soċjali ġlied bl-idejn bejn sewwieqa.
Iżda n-nuqqas ta’ importanza li ngħata t-trasport u t-traffiku fid-diskors tal-Baġit hu riżultat tal-inabbiltà tal-Gvern PL tul dawn l-aħħar 14-il sena li jnaqqas it-tbatijiet tal-poplu tagħna meta l-mobbiltà tiegħu tkun imxekkla mit-traffiku esaġerat li ħakem lil pajjiżna fil-parti l-kbira tal-ġurnata.
Biex wieħed jifhem kif u għaliex pajjiżna għadu mwaħħal sal-ġurnata tal-lum fit-traffiku, wieħed irid ikun jaf minn fejn tlaqna.
Dan hu traġitt ta’ diversi snin li tulhom, il-PL għamel l-almu tiegħu biex itellef lill-poplu tagħna servizz ta’ trasport tal-massa li jilqa’ għall-bżonnijiet u l-esiġenzi tal-poplu.
Imma mhux biss… wara li dan il-Gvern ħarbat il-miljuni fi studji, sal-lum baqa’ għamel ftit li xejn f’dan is-settur. Il-Gven jipprova jnessi li l-poplu kien imġiegħel jonfoq il-mijjiet tal-miljuni tal-ewro mit-taxxi tagħna mingħajr riżultati tanġibbli: anzi, il-problema tat-traffiku kompliet iżżid minn sena għall-oħra. Sfortunatament dan hu Gvern li jifhem kif iberbaq il-miljuni, imma mhux kif isib is-soluzzjoniijiet.
Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista
Forsi ftit jafu li sa mill-aħħar leġiżlatura tiegħu fil-Gvern, il-PN kellu diġà viżjoni għal pajjiżna: dik ta’ trasport tal-massa u dan għalkemm il-popolazzjoni ta’ pajjiżna kienet bil-bosta inqas milli hi llum b’madwar 40%.
F’dan is-sens, kienu saru l-istudji neċessarji li jikkunsidraw l-introduzjoni tal-Bus Rapid Transport jew il-Light Rail Transit. Sa anke kien beda jiġi kkunsidrat il-kunċett li t-trasport pubbliku jingħata prijorità fuq mezzi oħra ta’ trasport permezz ta’ karriġati ddedikati għall-użu tal-karozzi tal-linja.
Kien il-PN, din id-darba mill-Oppożizzjoni, li ta l-ħajja lil din il-viżjoni fejn fil-Programm Elettorali tal-2017 kien ippropona li tiġi introdotta f’pajjiżna sistema ta’ tTrasport tal-massa fil-forma ta’ ‘Light Rail Metro’ fuq it-triq fejn kienet ser tqabbad lil Malta u Għawdex b’erba’ linji prinċipali.
L-ispiża biex dan il-proġett jitwettaq kienet stmat li se tlaħħaq mal-€2.3 biljun, b’90% tal-ispiża kapitali tiġi koperta b’fondi mill-Unjoni Ewropea u bl-ispiża operattiva tlaħħaq mal-€56 miljun fis-sena.
Kieku l-Gvern PL kien raġel biżżejjed, neħħa s-suppervja u rrikonoxxa li din il-proposta kienet ser issib bilanċ bejn il-qadi tal-bżonnijiet tan-nies u s-soċjetà kummerċjali, kieku l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett ilha lesta aktar minn erba’ snin u n-nies ilhom fuq erba’ snin ibatu anqas fit-traffiku.
Kieku l-Gvern PL dak iż-żmien ħa ‘on board’ il-proposta tal-PN u introduċa f’pajjiżna l-Light Rail Metro, kieku sal-lum, tmien snin wara, bħala pajjiż diġà ffrankajna mat-€3.2 biljun li bihom konna nintroduċu t-trasport tal-massa. Dan barra l-fatt li konna niffrankaw lill-poplu minn tmien snin ta’ stress maqbud fit-traffiku.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

