Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali,
l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Dawk li jkollhom il-poter ħafna drabi jinsew li hemm linja importanti fil-ġudizzju tal-ħajja. Dik li permezz tagħha tagħżel dak li huwa sewwa u dak li ma huwiex. Diversi drabi jaraw dak li f’għajnejhom jaqblilhom bħala li huwa s-sewwa mentri kif nafu ma jkunx. F’dan il-proċess li diversi mexxejja jaqgħu fih jintilfu nevitabbilment il-vuċijiet li ma jaqblux magħhom. Il-partit li jkunu magħżula jmexxu jispiċċaw b’inqas persuni fih. Inqas bnedmin li jħarsu li jkun f’daqqa taħt it-tmexxija tiegħu. Iktar dawk li jaħsbu li kull persuna huwa dispensabbli u li tant huma tajba li ma’ kull wieħed li ma jibqax jaqbel miegħu ser isib diversi oħra li jiġu warajh. Imma dan ma huwiex minnu kull bniedem fil-politika jrid jiġi kultivat u huwa indispensabbli. Lezzjonijiet umani li kif qed naraw qed jintesew jew aħjar jiġu injorati.
Diġà nafu
Il-politika diġà fiha nnifisha mhix faċli biex twettaqha. Imma hija iktar kumplikata li dawk il-komponenti li huma kuxjenza għalik twarrabhom. Trid bnedmin ħdejk li ma jaqblux miegħek. Trid dawk li għandhom ideat differenti minn tiegħek. Iktar u iktar meta diġà nafu li hemm poter iswed li jaħdem fid-dellijiet tal-kuriduri. Dawk li ma għandhomx fl-aġenda tagħhom il-prinċipji etiċi nsara u jaħsbu li l-poter jista’ jintuża kontra tagħhom. Hemm ġlieda għas-sewwa li fil-politika trid issir li numru ta’ mexxejja jinsew jew jaħsbu li huma ma humiex hemm għalhekk ukoll. Dak li jsir minnhom fis-sewwa jibqa’ hemm warajhom u dak li jibnu jkun pedament għall-futur tal-poplu li ġew magħżula jmexxu. Il-bnedmin fil-poter jinħakmu minnu, jekk ma jkunux preparati, jekk ma jkunux miftuħa għall-opinjonijiet differenti minn tagħhom, jinħakmu mill-velenu li dan iġib miegħu.
David Amess
(1952-2021)
Ftakart aktar dwar dan quddiem il-memorja ta’ dan l-politiku Ingliż li fil-15 ta’ Ottubru 2021 kien ġie assasinat. Persuna li serva fit-tul il-kostitwenti tiegħu u l-partit Konservattiv li kien jimmilita fih. Bniedem uniku fil-vuċi tiegħu favur dawk li kienu l-iktar ’l isfel fis-soċjetà. Kif kien deskritt minn The Economist ta’ dak iż-żmien: “Sir David was also the quintessential local MP who believed that the highest calling of an elected member was to represent the people to the state rather than the state to the people.” (Sir David kien dak li għandu jkun membru parlamentari lokali li kien jemmen li l-għola sejħa għall-membru elett kienet dik li tirrappreżenta lill-poplu lill-Istat u mhux l-Istat lill-poplu.) Il-bniedem li kien iddikjara li “The rise of professional politicians was turning Parliament into a rubber stamp.” (It-tkabbir ta’ politiċi ‘professjonisti’ kienu qed jibdlu l-parlament f’timbru.) Ovvjament f’kuntrast tal-post fejn l-ideat varji jiġu u jiġu diskussi u l-aħjar, is-sewwa jiġu magħżula.
Dawk li jirrappreżenta
Kien il-bniedem li ħalla warajh imġiba eżemplari. Kien tul ħajtu kollha kattoliku konvint u prattikanti. Bniedem li kien iħobb lill-poplu tiegħu. Miftuħ għall-ideat u dejjem irid jiltaqa’ ma’ kemm jista’ bnedmin minn kull triq jew klassi. Ħafna drabi ma’ dawk l-iktar ’l isfel u fil-bżonn. L-istess ġurnal jikteb hekk dwaru, riflessjonijiet li minn dak li qrajt diversi oħra ħadnu bħalhom: “Sir David was happiest with his constituents.” (Sir David kien l-iktar ferħan fost il-kostitwenti tiegħu.) U “His proudest achievements were all local-keeping schools and hospitals open and preventing a forest of silver birches from being razed to the ground.” (Dak li kien l-iktar atti politiċi li kien kburi bihom kienu kollha marbuta mal-kostitwenza – li nżammu skejjel u sptarijiet miftuħa jew li jżomm foresta ta’ siġar betula pendula milli jinqatgħu kompletament.)
Eżempju
Anki jekk din is-sena għaddew erba’ snin mit-telfa tiegħu huwa jibqa’ dawl sabiex ikun gwida għal dawk li jridu jimxu fis-sewwa. Dak li wettaq għadu hemm u dak li kiteb u ddikjara għadu magħna. Bniedem li għandu jgħin lil dawk f’pajjiżna li jridu jaħdmu għas-sewwa fil-pożizzjoni politika kumplikata tal-lum. Sitwazzjoni li qed taħdem fid-dell tad-dlam iktar u iktar meta huwa evidenti li dawk li huma segwaċi tas-sewwa qed jiġu mwarrba. Tul dawn is-snin fl-Oppożizzjoni stajt u għadni nista’ nara bnedmin validi emarginati, imwarrba, minati u attakkati. Bnedmin li jridu jaħdmu b’żvantaġġi kbar waqt li jinżammu lura u fl-irkejjen soċjali. Persuni li jaqraw u jifhmu li l-politika ssir billi jinstemgħu l-vuċijiet sħaħ tas-soċjetà. F’dawn s-snin sibtni nara persuni ta’ esperjenza u ideat validi jispiċċaw fil-karriera politika tagħhom. Dawk li għażlu huma li jwarrbu, dawk li ħaddieħor għażel għalihom u dawk li jagħrfu dożi tat-tnejn.
Inżomm quddiemi
F’dan ninsab iktar inkwetat nara bnedmin bħal Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi li jagħżel li ma jkomplix bil-karriera politika tiegħu. Narah bniedem ta’ ideat u li kapaċi jiddikjara dak li huwa sewwa minn dak li ma huwiex. Bniedem li jaqra u jżomm ruħu aġġornat ma’ dak li għaddej fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja ta’ madwarna.
Fl-iktar li huwa parti importanti mis-sustanza li l-Partit Laburista jirrappreżenta għall-poplu tagħna. Tastiera li essenzjali u ħajja. Bniedem li huwa fuq ix-xellug moderat u f’ħafna għandu l-imħabba tal-kostitwenza li jirrappreżenta.
Ninkwieta
Ninkwieta iktar f’dan li minn imexxi flok iħossu skomdu f’dak li qed jiġri u jinkwieta serjament b’dak li qiegħed jitlef, jarah bħala xi forma ta’ proċess “normali”. Il-politika t-tajba titlob li jkollok ħdejk ukoll dawk li ma jaqblux miegħek. Sfortunatament min jilħaq f’pożizzjoni huwa komuni ħafna li jaħseb li huwa biżżejjed li jimxi waħdu ’l quddiem u jinsa li jrid ikollu diversi li jimxu warajh. Nfakkar biss li l-vuċijiet għas-sewwa jiswew u huma determinanti għal min irid iwettaq il-politika kif għandha tkun.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 18 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

