Il-Federazzjoni Maltija Lotta organizzat il-Bridgepoint Malta Wrestling Championships fejn is-Selezzjoni Maltija temmet fit-tieni post. Kompetizzjoni ideali għal lottaturi Maltin b’suċċess f’diversi kategoriji.
Il-kompetizzjoni ntrebħet minn Vardar Wrestling Club tal-Maċedonja ta’ Fuq segwit mis-Selezzjoni Maltija. Fit-tielet post l-Irish Amateur Wrestling li ssupera lis-Serbja u lil klabb tal-lotta mill-Italja – Borgo Prati Lotta. Ipparteċipaw ukoll lottaturi minn Wales u l-Bulgarija fuq bażi individwali.
Fost is-suċċessi minn lottaturi Maltin li kienu mmexxija mill-kowċ nazzjonali Jesmond Giordimaina, fil-kategoija 57 kilo intrebħet minn Garu Giordimaina filwaqt li Gabriel Caruana rebaħ il-61 kilo u temm fit-tielet post fil-65 kilo. Valentine Englin u Yegor Zalesky it-tnejn temmew fit-tielet post fil-kategoriji 70 kilo u 74 kilo rispettivament. Frangesko Bugeja temm fit-tieni post fil-kategorija 79 kilo. David Agius u Matthew Mallia temmew fit-tielet post fil-kategoriji 79 kilo u 97 kilo rispettivament filwaqt li Cedric Vella temm fit-tieni post fit-92 kilo u Roberto Buttigieg fit-tielet post fis-97 kilo.



