Futbol Sport

42 pajjiż diġa’ ikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja 2026 u għad baqa’ sitt postijiet vakanti

Il-Belġju jiċċelebraw il-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla.
Il-Belġju jiċċelebraw il-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla.

Il-Curaçao, pajjiż b’popolazzjoni ta’ 150,000 persuna jikkwalifika għall-ewwel darba u jsir l-iżgħar pajjiż fl-istorja li qatt ħa sehem fil-fażi finali ta’ edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja

Wara l-partiti li kelna l-bieraħ mill-istadju tal-gruppi tal-pajjiżi Ewropej għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2026, issa nafu b’ċertezza min huma tnax mis-16-il pajjiż Ewropew li se jilgħabu fl-edizzjoni tas-sena d-dieħa tat-Tazza tad-Dinja. Lilhinn mill-kontinent Ewropew, f’din it-tieqa ta’ partiti internazzjonali ta’ Novembru, komplew isiru mmagħrufa l-pajjiżi finalisti mill-bqija tal-kontinenti l-oħra tad-dinja.

Fl-Ewropa, bil-partiti tal-bieraħ, ġew fit-tmiemhom il-gruppi kollha u allura għadna r-rebbieħa ta’ kull grupp. L-erba’ postijiet l-oħra mill-kontinent Ewropew se jkunu qed jiġu determinati permezz tal-play-offs li se jkunu qed jintlagħbu f’Marzu li ġej.

X’nafu s’issa?

It-tnax-il pajjiż Ewropew li qed jiċċelebra kwalifikazzjoni diretta għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla huma dawn:

L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, l-Ingilterra, Franza, il-Ġermanja, in-Norveġja, l-Olanda, il-Portugall, l-Iskozja, Spanja u l-Iżvizzera.

Min huma l-pajjiżi Ewropej b’ċans li jgħaddu permezz tal-play-offs?

Mat-12-il pajjżi li diġa’ għaddew bħala r-rebbieħa tal-gruppi Ewropej għat-Tazza tad-Dinja, mill-istadju tal-play-offs se jkunu qed javvanzaw għall-fażi finali erba’ pajjiżi oħra mill-Ewropa. F’dan l-istadju tal-play-offs, in-numru ta’ pajjiżi li kkwalifikaw huma 16 u dawn se jitqassmu f’erba’ pots differenti.

L-erba’ pots Ewropej huma kif ġej:

Pot 1 | L-Italja, id-Danimarka, it-Turkija u l-Ukrajna.

Pot 2 | Polonja, Wales, iċ-Ċekja u s-Slovakkja.

Pot 3 | L-Irlanda, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerżegovina u l-Kosovo.

Pot 4 | Ir-Rumanija, Żvezja, il-Maċedonja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Il-pajjiżi li jiffurmaw parti minn Pot 4, irnexxilhom jiksbu post f’dan l-istadju wara li fl-aħħar edizzjoni tal-UEFA Nations League rebħu l-grupp fid-diviżjoni rispettiva tagħhom.

Min huma l-pajjiżi l-oħra barra mill-Ewropa li s’issa għaddew b’ċertezza ukoll għat-Tazza tad-Dinja?

Tlieta minn dawn huma t-tliet pajiiżi li se jkunu qed jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja flimkien għall-ewwel darba. Dawn huma l-Kanada, il-Messiku u l-Istati Uniti.

Mill-kontinent Afrikan, diġa’ għadna disa’ pajjiżi li huma konfermati bħala finalisti. Dawn huma:

L-Alġerija, Cape Verde, l-Eġittu, il-Ghana, il-Kosta tal-Avorju, il-Marokk, is-Senegal, l-Afrika t’ Isfel u t-Tuneżija.

Mil-kontinent Asjatiku, s’issa għadna tmien pajjiżi li diġa’ jafu li huma finalisti fl-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja. Dawn huma:

L-Awstralja, l-Iran, il-Ġappun, il-Ġordan, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, il-Korea t’ Isfel u l-Uzbekistan.

Mill-kontinent tal-Oċeanja, l-uniku pajjiż finalist u konfermat s’issa hu n-New Zealand.

Mill-kontinent tal-Amerika t’Isfel, is-sitt pajjiżi li huma magħrufa li se jilgħabu fit-Tazza tad-Dinja li se ssir fl-Amerika ta’ Fuq huma, l-Arġentina, il-Brażil, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Paragwaj u l-Urugwaj.

It-tliet pajjżi li jirrapreżentaw l-Amerika ta’ Fuq u Ċentrali u l-Karibew li kkwalifikaw huma Curaçao, Panama u Ħaiti. Fil-każ ta’ Curaçao dawn mhux biss kitbu l-istorja għaliex avvanzaw għall-ewwel darba għall-fażi finali ta’ edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, iżda sar l-iżgħar pajjiż fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni li għadda għal dan l-istadju. Qabel dan it-tragward storiku tal-Curaçao, l-iżgħar pajjiż li qatt kien ikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja kien l-Iżlanda, iżda issa l-Curaçao naqxu isimhom fl-istorja tal-futbol dinji, meta pajjiż b’popolazzjoni ta’ xejn inqas minn 150,000 persuna, irnexxilu jikseb post fost il-finalisti tal-akbar kompetizzjoni tal-futbol fid-dinja li se tkun qed tibda 204 ġurmata oħra.

B’hekk s’issa l-ammont ta’ pajjiżi li huma konfermati li rrnexxilhom jikkwalifikaw għall-ewwel Tazza tad-Dinja kompost minn rekord ta’ 48 pajjiż, hu ta’ 42 nazzjon. Dan ifisser li għad iridu jikkwalifikaw l-aħħar sitt pajjiżi; erbgħa oħra mill-Ewropa permezz tal-play-offs u t-tnejn l-oħra se jkunu qed jikkwalifikaw permezz tal-play-offs interkofederali.

Għa dawn iż-żewġ postijiet vakanti, il-pajjiżi li għaddew għall-play-offs huma:

Il-Bolivja, il-Kongo, l-Iraq, in-New Caledonia, il-Ġamajka u s-Suriname.