Knisja Lokali

Ċelebrazzjoni djoċesana fl-okkażjoni tal-festa ta’ Kristu Re


Nhar il-Ħadd li ġej il-Knisja f’Malta se tiċċelebra l-festa ta’ Kristu Re. B’rabta ma’ din il-festa tant sinifikanti għall-Knisja Kattolika, fil-jiem li ġejjin il-Knisja f’Malta se tiċċelebra tliet ċelebrazzjonijiet djoċesani importanti. Din is-sena l-Assemblea Djoċesana se terġa’ ssir fuq jumejn waqt li nhar il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ se jiġi ċċelebrat waqt il-Ġublew għaż-Żgħażagħ u l-Adolexxenti.

L-Assemblea Djoċesana
Nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa 20 u 21 ta’ Novembru 2025 fis-6:30pm, l-Arċidjoċesi ta’ Malta se tlaqqa’ l-Assemblea Djoċesana, li se tkun ippreseduta mill-Arċisqof Charles Scicluna. Din se ssir f’Sala San Ġwann fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana bil-possibbiltà li wieħed isegwi wkoll online. B’rabta mal-mixja sinodali fil-Knisja universali, l-Assemblea din is-sena se tkun parti mill-proċess ta’ tħejjija għal pjan pastorali ġdid, li jkompli jibni fuq il-ħidma li saret fi Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed. It-tema għallAssemblea ta’ din is-sena hi ‘Il-Knisja f’Malta llum: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni’.

Għall-Assemblea huma mistiedna l-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, il-kappillani u rappreżentanti tal-parroċċi kollha, mexxejja tal-għaqdiet u l-movimenti Kattoliċi, delegati u persuni oħra f’kunsilli tal-Arċidjoċesi u nies oħra minn oqsma differenti tal-Knisja

Il-Ġublew taż-Żgħażagħ u l-Adolexxenti

Nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru l-Arċisqof se jmexxi mument ta’ talb u djalogu maż-żgħażagħ f’attività organizzata mill-Malta Catholic Youth Network (MCYN). Il-Ġublew taż-Żgħażagħ u l-Adolexxenti se jsir fis Sala tal-Kulleġġ ta’ Sacred Heart, f’San Ġiljan.
Wara jkun hemm ħin ta’ fraternità bejn il-parteċipanti. Il-bibien jiftħu fis-6:30pm. Iż-żgħażagħ u l-adolexxenti kollha huma mistiedna jingħaqdu f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ fidi, tama u komunjoni waqt il-Ġublew. Għal aktar dettalji żur mcyn.org.

L-Għasar u l-Barka Sagramentali fil-Festa ta’ Kristu Re
Nhar il-Ħadd li ġej, 23 ta’ Novembru 2024, issir iċ-ċelebrazzjoni djoċesana ta’ Kristu Re, ippreseduta mill-Arċisqof Charles Scicluna. Kulħadd huwa mistieden għal din iċ-ċelebrazzjoni.

Iċ-ċelebrazzjoni djoċesana tibda fil-5pm u se ssir fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, fejn jingħad l-għasar (it-talba ta’ filgħaxija) u tingħata l-barka sagramentali. Waqt l-għasar, l-Arċisqof iwassal il-messaġġ tiegħu f’din il-festa tant importanti għall-Insara. Iċ-ċelebrazzjoni tixxandar fuq Knisja.mt, Newsbook Malta u l-istazzjon tar-radju RTK Wara ċ-ċelebrazzjoni jkun hemm quddiesa.

Il-festa ta’ Kristu Re twaqqfet mill-Papa Piju XI fl-1925 bil-għan li l-Insara jagħrfu f’Ġesù l-mexxej wieħed li miegħu jġib il-verità u l-ħajja, il-qdusija u l-grazzja, il-ġustizzja, l-imħabba u s-sliem, dak li l-bnedmin fid-dinja kollha jinħtieġu biex jgħixu bid-dinjità.