Il-kumpanija Simonds Farsons Cisk hija eżempju ċar ta’ negozju tal-familja li għaraf jindirizza l-isfidi u matul iż-żmien investa biex ikompli jikber, daħal fi swieq ġodda anke barra l-pajjiż u ddiversifika l-oqsma li jopera fihom biex illum jagħti kontribut b’saħħtu lill-ekonomija ta’ pajjiżna f’qasam importanti bħalma huwa dak tal-ikel u x-xorb.
Dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg għamel żjara fil-kwartieri ta’ Farsons u Trident Park fl-Imrieħel fejn iltaqa’ mal-ħaddiema tad-diversi kumpaniji li għandu l-Grupp u ddawwar mal-faċilitajiet differenti ta’ Farsons.
Huwa ntlaqa’ miċ-Chairman ta’ Farsons Louis A Farrugia, ibnu Michael li huwa CEO Designate, u mill-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Norman Aquilina. Alex Borg faħħar l-istorja ta’ suċċess ta’ din il-kumpanija Maltija li għarfet tisfrutta s-swieq barranin u tagħmel isem għal Malta fuq livell internazzjonali, u qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jkompli jappoġġja kumpaniji bħal dawn biex ikomplu jinvestu f’pajjiżna, ikabbru l-ekonomija u joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità.
Farsons timpjega aktar minn 600 ħaddiem li jaħdmu f’shifts differenti, bil-parti l-kbira tal-ħaddiema involuti fil-produzzjoni jitqassmu fuq sistema three-shift biex il-ħidma ma tieqaf xejn tibqa’ għaddejja anke matul il-lejl.
Aktar minn 70% tal-ħaddiema li timpjega l-kumpanija huma Maltin, imma kif kien spjegat waqt iż-żjara, l-età medja tal-impjegati llum inbidlet hekk kif il-kumpanija qed jirnexxilha tattira aktar żgħażagħ li huma aktar familjari mat-teknoloġija minħabba li nbidlet in-natura tax-xogħol matul is-snin.
Wara li żar l-uffiċċji amministrattivi ta’ Farsons fejn iltaqa’ mal-ħaddiema fid-diversi taqsimiet, il-Kap tal-PN ittieħed jara ċ-ċentru tal-loġistika, il-warehouses, il-Brew House l-ġdida u l-impjant tal-ibbottiljar tal-birra.
Fil-Brew House, li nfetħet fl-2012, il-birra kollha tissajjar bl-użu tal-fwar u jintużaw sistemi li jnaqqsu l-ħela tal-enerġija tant li minn meta din inbniet, il-kumpanija tistma li ffrankat 66% tal-enerġija.
Hawnhekk id-diriġenti tal-Grupp spjegaw lill-Kap tal-PN li bis-saħħa tal-investiment qawwi li sar matul is-snin, illum ħafna mix-xogħol huwa awtomatizzat.
Fil-post fejn isir l-ibbottiljar tal-birra jiġu bbottiljati mal-40,000 bott birra fis-siegħa, bil-maġġor parti tal-prodotti jmorru għall-konsum lokali.
Interessanti, imma, li fejn jidħlu l-aktar żewġ prodotti li għalihom hi magħrufa Farsons, il-birra Cisk u l-Kinnie, matul is-snin kien hemm żviluppi kbar, tant li llum, pereżempju, il-Kinnie saħanistra qed tiġi prodotta direttament fil-Ghana minn fejn qed jintlaħaq is-suq Afrikan. Apparti l-birra li tiġi esportata lejn diversi pajjiżi, prodotti oħra ta’ Farsons jinsabu wkoll fis-suq tal-Lvant Nofsani.
Minn hemm iż-żjara kompliet fi Trident Park fejn Alex Borg intlaqa’ mis-CEO ta’ Trident Estates Charles Xuereb u kellu wkoll laqgħa mal-management board tal-Grupp fil-boardroom l-antika li nżammet kif kienet fil-passat meta fil-post sar l-iżvilupp biex dawn l-inħawi ġew modernizzati.
Id-diretturi ta’ Farsons spjegaw lil Alex Borg kif l-isfida tal-loġistika hija fost l-akbar sfida li jiffaċċjaw, u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-proposta tal-PN li jinħoloq hub loġistiku ċentralizzat fil-pajjiż biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u ntlaħaq qbil li l-PN jisma’ l-veduti tal-kumpanija dwar dan.
Id-diriġenti ta’ Farsons tkellmu wkoll dwar sfidi oħra li jridu jiġu indirizzati, fosthom dawk marbutin mad-distribuzzjoni, u qalu li miżuri li ġew ippruvati fil-passat bħalma huma t-tqassim matul il-lejl ma kinux fattibbli.
Iċ-Chairman Louis A Farrugia esprima l-ottimiżmu tiegħu għal li ġej u qal li kif il-kumpanija għarfet tegħleb id-diffikultajiet bħat-tneħħija tal-protezzjoni fis-snin sittin u sebgħin għax emmnet fiha nfisha, jinsab konvint li jekk tkompli tinvesti mhux biss fl-infrastruttura imma anke fil-ħaddiema, se tkompli tikber u tissaħħaħ anke fil-futur.
Waqt din iż-żjara l-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione; ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus; ix-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea.
//= $special ?>

