Lokali

Ħaddiem żagħżugħ imut wara li waqa’ żewġ sulari fil-proġett li għaddej fil-bajja ta’ San Ġorġ

Raġel mit-Turkija ta’ 25 sena, tilef ħajtu wara li waqa’ madwar żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ dalgħodu fi Triq Pietru D’Armenia, f’Pembroke.

Fil-post issejjaħ tim mediku flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
sabiex jassistu, iżda l-ħaddiem sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Joe Mifsud li fetaħ inkjesta, filwaqt li linvestigazzjonijiet mill-Pulizija, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.

Stqarrija mill-Grupp db

Il-grupp db fi stqarrija qal li dan il-ħaddiem kien impjegat mal-kuntrattur HAS, li hija kumpanija Torka li qed taħdem fuq dan il-proġett maġġuri.

Il-grupp qal ukoll li se jkun qed jikkollabora fl-investigazzjonijiet minn naħa tal-awtoritajiet.

Kien estiż ukoll l-appoġġ lill-familja tal-vittma u lill-kollegi f’dan il-mument diffiċli.