Lokali Parlament

Il-kunsilli mhumiex jingħataw importanza u fondi neċessarji biex iwettqu l-ħidma tagħhom

Bernice Bonello, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello sostniet fil-Parlament li l-kunsilli mhumiex jingħataw importanza u fondi neċessarji biex iwettqu l-ħidma tagħhom.

Hi qalet li l-accounts li ppreżentaw il-kunsilli lokali għas-sena li għaddiet, juru li l-fondi li qed jagħti l-Gvern lill-Kunsilli Lokali mhumiex biżżejjed. Minn dawn l-accounts għas-sena 2024, 36 kunsill minn 68 iddikjaraw telf tul dik is-sena; iktar minn nofs il-Kunsilli Lokali.

Jiddikjaraw li ma kellhomx flus biżżejjed biex jgħixu tul is-sena li għaddiet. Erba’ Kunsilli oħrajn iddikjaraw bilanċ ta’ inqas €1,000 u ħames kunsilli oħrajn iddikjaraw bilanċ ta’ inqas minn €10,000.

Jekk wieħed jiġbor f’daqqa t-32 kunsill lokali li ddikjaraw bilanċ, kollha f’daqqa dawn kellhom bilanċ ta’ €1.3 miljun. Min-naħa l-oħra, jekk niġbru flimkien is-36 kunsill lokali li ddikjaraw żbilanċ, kollha f’daqqa kellhom żbilanċ ta’ €4.9 miljun. Quddiem din is-sitwazzjoni l-Gvern naqqas il-budget tal-kunsilli lokali għas-sena li ġejja b’€6 miljun.

Hi qalet li qisu dan it-tnaqqis ta’ €6 miljuni għall-kunsilli lokali ma kienx biżżejjed għaliex anke l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ħadet daqqa fil-budget tagħha għas-sena d-dieħla billi l-budget tnaqqas kwazi bin-nofs; daqqa oħra ta tnaqqis ta’ iktar minn €300,000.

Minkejja li r-Regjuni żdiedu b’€7 miljun, fir-realtà hi li din iż-żieda se tmur ħafna minnha minn but tal-Gvern għal but ieħor tal-Gvern.

Il-Gvern għabba lir-Regjuni bis-sistema tal-ġbir tal-iskart. Fejn it-tipping fees għall-iskart imħallat, din is-sena se jiżdiedu b’€20 ghal kull tunnellata. Għalhekk parti sostanzjali minn din iż-żieda ta’ €7 miljun trid tkopri dan il-ħlas addizzjonali. Ma’ dawn il-ħlasijiet tat-tipping fees, ir-Reġjuni jridu jagħmlu tajjeb ukoll għal xejn inqas minn €600,000 f’pagi lill-Managers tar-Reġjun, liema spiża ġiet koperta biss b’allokazzjoni speċjali fis-sena 2024 u minn din is-sena jridu jagħmlu tajjeb għaliha r-Reġjuni mill-allokazzjoni tagħhom.

Din l-ispiza preżentament tlaħħaq madwar €600,000 biss għaliex hemm numru ta’ Reġjuni li għandhom numru ta’ managers neqsin għaliex kieku din l-ispiża titla’ ferm iktar.

Hi sostniet li għalkemm id-Delevopment Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar ma jaqax taħt dan il-Ministeru, żgur li dan il-fond jolqot l-iktar lill-Kunsilli Lokali. Dawn il-fondi jistgħu jintużaw fost l-oħrajn mill-kunsilli lokali. Bis-sitwazzjoni finanzjarja tal-biża’ tal-kunsilli lokali, meta kunsill lokali jkunu jridu jużaw dawn il-fondi u hemm kunsilli lokali li għandhom miljuni ta’ ewro f’dan il-fond, il-kunsilli lokali jkunu mitluba biex joħorġu parti mill-ispiża li tammonta għal madwar 20% tal-proġett.

Dan ifisser ċar li hemm numru ta’ kunsilli lokali li minkejja li jixtiequ jużaw dawn il-fondi għall-gid tal-lokalità taghhom, ma jkunux jistgħu jagħmlu dan għaliex ma jkollhomx flus biex joħorġu l-parti tagħhom.

Sabiex jieħdu mija fil-mija tal-fondi, il-kunsilli lokali jkunu jridu jagħmlu l-proġetti flimkien mar-Regġjun; dan mhux rispett lejn l-awtonomija tal- kunsill lokali u lanqas lejn ir-Reġjuni.

Hi trattat l-indħil mill-gvern u l-entitajiet tiegħu u qalet li dan qed isir bla rażan minn certu ministeri u awtoritajiet tal-Gvern li jibqgħu għaddejjin minn fuq il-Kunsilli Lokali qishom lanqas jeżistu fosthom Transport Malta.

Hi sostniet li s-sistema tal-ġbir tal- iskart li impona l-Gvern fuq il-kunsill lokali u r-Regjuni hi falliment.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet il-European Capital of Culture u awgurat kull suċċess lill-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex u lir-Regjun ta’ Għawdex. Hi trattat il-kontrovesja fuq l-offerta tal-Birgu u tar-Reġjun Port u qalet li l-Parlament jistħoqqlu spjegazzjonijiet ta’ x’ġara.

Hi appellat biex il-Kunsill Lokali ma jibqghux jiżżarmaw la mil-lat finanzjarju u lanqas mir-responsabbiltajiet tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen fil-kunsill lokali u l-mument li jkun fil-gvern, il-kunsilli lokali jingħataw lura id-dinjità li kellhom, l-awtonomija li kienu jgawdu u li b’mod partikolari, is-sindki u l-kunsillieri jkollhom ir-rispett kollu li jixirqilhom.

Il-ħidma kbira li qed issir mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali trid tiġi apprezzata u dan huwa dak li l-PN jagħmel anke mill-Oppozzizjoni, kif għandhom ikunu apprezzati wkoll l-istrutturi kollha marbuta mal-kunsilli lokali.