Internazzjonali

Il-qtil tal-ġurnalista Khashoggi: Il-President tal-Istati Uniti jiddefendi lill-Prinċep Salman

Jamal Khashoggi

L-entitajiet favur id-drittijiet umani huma mħassbin u dispjaċuti wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, iddefenda lill-Prinċep Mohammed bin Salman dwar il-qtil tal-ġurnalista dissidenti, Jamal Khashoggi….Qtil infami li kien seħħ fl-2018  minn skwadra ta’ aġenti tal-Arabja Sawdija li anki biċċru lill-ġurnalista wara li hu kien daħal fil-konsulat Sawdi fil-belt Torka ta’ Istabul.

Bin Salman hu l-mexxej de-facto tal-Arabja Sawdija u Trump, waqt li kien qed jiltaqa’ miegħu fl-Oval Office tal-White House, insista mal-istampa li ‘il-Prinċep ma kien jaf xejn dwar il-qtil’ u li ‘affarijiet bħal dawn, sfortunatament, jistgħu jseħħu’.

Il-kummenti ta’ Trump qanqlu għadab partikulari, speċjalment, ladarba hu deher li qed jikkontradixxi lill-aġenziji sigrieti tal-Istati Uniti li, fil-bidu tal-2021, ikkonkludew li Salman kien approva l-omiċidju ta’ Khashoggi – dak iż-żmien, ġurnalist mal-Washington Post. Ir-rapport kien inżamm klassifikat għal perjodu twil u l-Istati Uniti baqgħet ma ressqet qatt is-sanzjonijiet fil-konfront tal-Prinċep Sawdi b’konnessjoni mar-reat li xxokkja lid-dinja.

Ir-rapport tal-aġenziji Amerikani dwar il-qtil ta’ Khashoggi ikkonferma s-suspetti li Salman kellu ‘id personali’ fl-omiċidju ta’ wieħed mill-akbar kritiċi tiegħu…Kritiku li kien qed jgħix fl-Istati Uniti u li ma naqas qatt milli jikkundanna lill-Prinċep dwar kif hu kien qed joħnoq il-libertà f’pajjiżu.

Donald Trump, waqt il-laqgħa ma’ Salman, anki tilef il-boxla wara li Mary Bruce, ġurnalista mal-ABC News, staqsietu għalfejn l-Amerikani għandhom jafdaw lill-Prinċep Salman ladarba l-aġenziji Amerikani konkludew li l-istess Salman kien l-ixprun wara l-qtil brutali tal-ġurnalista.

Trump, imbagħad, ħareġ bit-tema favorita ta’ ‘fake news’ waqt li qal, fost oħrajn, li Jamal Khashoggi ‘kien persuna kontroversjali u li ma tantx kienx jinżel tajjeb ma’ ħafna nies’.

‘Il-Prinċep Salman ma kien jaf xejn dwar l-omiċidju u d-diskors għandu jieqaf hawn’, kompla Trump li ċanfar lill-ġurnalista talli għamlet mistoqsija li, skont hu, kien embarazzanti għall-Mexxej Sawdi. Dan ukoll waqt li l-President Amerikan irrefera għall-omiċidju bħala ‘żball oħxon’.

Mohammed bin Salman dejjem ċaħad li kien ordna personalment il-qtil ta’ Khashoggi, iżda, fl-istess ħin, irrikonoxxa r-responsabbiltà bħala l-Mexxej de-facto tal-Arabja Sawdija.

Intant, il-President Trump u l-Prinċep Salman, issa, iddiskutew it-tisħiħ tar-rabtiet ekonomiċi fuq livell bilaterali – b’Salman iwiegħed lil Trump li l-Arabja Sawdija għandha tinvesti xejn anqas minn triljun dollaru fl-Istati Uniti.