Lokali Parlament

Jeħtieġ impenn b’saħħtu favur is-salvazzjoni tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda

Toni Bezzina, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-Parlament li jeħtieġ impen b’saħħtu favur is-salvazzjoni tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda.

Toni Bezzina qal li għalkemm l-agrikoltura u s-sajd mhumiex kontributuri qawwija b’risq il-GDP, huma żewġ pilastri fundamentali għax fuqhom tiddependi s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u jipprovdu price security.

Fattur negattiv fir-rigward tad-dipendenza mill-ikel impurtat hu l-impatt negattiv fuq l-ambjent minħabba żieda fl-emissjonijiet kawża tal-ġarr tal-merkanzija. Din tagħti daqqa ‘l isfel lill-bdiewa, raħħala u sajjieda lokali minbarra li mhux tħallilhom qliegħ ġust.

Dan flimkien ma’ nuqqas ta’ assigurazzjoni mill-genwinità tal-prodotti. Biex nkomplu nagħmlu l-prodott Malti aktar attraenti, jeħtieġ li dan jikkompeti fil-prezzijiet ma’ prodotti impurtati minn barra. Għalhekk irridu nipprovdu prodotti wżati fl-agrikoltura bħall-fertilizzant bi prezzijiet ragonevoli u nesploraw il-fatt li ċertu materija prima wżata fl-agrikoltura tiġi prodotta hawn Malta.

Għalhekk għandu jkun hemm sistema ċentrali fl-EU biex kull bexx irregistrat fl-EU jkun jista’ jintuża fil-pajjiżi kollha membri tal-EU. Il-limitazzjoni tal-bexx f’pajjiżna qiegħda tolqot ħażin kemm il-prezz tal-produzzjoni kif ukoll it-tip ta’ protezzjoni li diversi prodotti agrikoli jingħataw mill-bdiewa speċjalment meta f’pajjiżna dieħel ħafna mard ġdid. Ma jistax ikun li filwaqt li f’Malta hawn 300 tip ta’ bexx differenti liċenzjati, fi Sqallija hemm 3,000.

Minħabba l-ispejjeż li qegħdin dejjem jogħlew, il-bdiewa qed isibuha diffiċli ferm biex ilaħħqu mal-ispejjeż relatati ma’ tkabbir ta’ prodotti agrikoli mal-provvista ta’ ħalib u bajd, u tkabbir ta’ annimali għall-konsum. Hu qal li l-industrija tas-sajd għandha tkompli tissaħħaħ u hemm bżonn ta’ konsultazzjoni kontinwa mas-sajjieda nfushom. Importanti li nattiraw nies ġodda speċjalment żgħażagħ li jidħlu fil-qasam agikolu.

Hu qal li l-klassifikazzjoni tal-bdiewa bbażata fuq it-turnover tagħhom kienet pass ‘il quddiem u sostna li rridu ninnegozjaw aħjar il-fondi diretti biex il-prodott agrikolu lokali jkun aktar kopetittiv. Dwar l-art agrikola hu qal li l-prezz tal-art qegħda tagħmilna anqas kompetittivi mal-prodotti impurtati minn barra waqt li problema oħra li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-bdiewa u r-raħħala hi n-nuqqas kbir ta’ ilma fejn bħalissa jiddependu mill-ilma tal-pjan.

Hu semma’ n-nuqqas għall-permessi ta’ boreholes ġodda li ilhom ma jagħtu permessi mill-2007. Problema akbar hi n-new water għax minkejja diversi bdiewa jiddependu minnu, hemm nuqqas kbir tiegħu. Hu ppropona li sakemm inwasslu n-new water lil kulħadd, il-Gvern għandu jipprovdi ilma bil-bowser b’xejn lill-bdiewa u r-raħħala li għandhom nuqqas ta’ ilma. Problema oħra hija n-nuqqas ta’ ħaddiema tant li sirna niddependu minn ħaddiema barranin biex naħdmu r-raba’. Jekk jonqsu ammont żgħir ta’ ħaddiema barranin li għandna jaħdmu r-raba’, il-produzzjoni agrikola tonqos b’madwar 70%.

Hu qal li l-Gvern dam ikaxkar saqajh dwar impjant ġdid li jipproċessa d-demel tal-annimali b’detriment għar-raħħala fejn f’diversi każi diversi raħħala kellhom diffikultajiet kbar biex ikomplu joperaw minħabba akkumulazzjoni eċċessiva ta’ demel fl-irziezet tagħhom. Hu staqsa jekk hux veru li kull raħħal ser jibda jħallas €33 għal kull tunnellata ta’ demel biex jarmih.

Il-Gvern, għalkemm għandu 30% tal-MDP, se jħallihom weħidhom jinvestu f’impjant ġdid għall-ipproċessar tal-ħalib u prodotti oħra ġejjien mill-ħalib. Spiza li ser tlaħħaq mas-€70 miljun.

Madwar €6 miljun li kienu mwiegħda għar-ristrutturar tal-irziezet tal-baqar sparixxew għal kollox mid-diskors tal-budget. Dan apparti li l-Price Stabilization Scheme minn €10.5 miljun fl-2024 naqset b’iżjed minn erba’ darbiet ghall-€2.5 miljun għall-2026.

Toni Bezzina semma’ t-twaqqif tal-Awtorità tas-Sigurtà tal-Ikel, Awtorità li f’ċertu każi ġabet aktar taħwid milli mexxiet ‘il quddiem l-operat tal-bdiewa u r-raħħala.

Għalhekk, Gvern Nazzjonalista jieħu d-deċiżjonijiet biex l-irwoli tal-veterinarji jingħataw l-importanza meħtieġa b’risq is-saħħa tal-bhejjem, l-animal welfare u s-sigurtà tal-ikel.

Hu esprima tama li l-investiment f’pitkalija ġdida f’Malta se jsir biex jigu aġevolati l-bdiewa u jimmassimizzaw il-qliegħ tagħhom u mhux biex jinqeda xi ħadd tal-qalba minn wara l-kwinti biex minflok jeqred darba għal dejjem il-bidwi lokali ġenwin.

Hu staqsa fejn se ssir il-pitkalija l-ġdida u ta’ liema kobor se tkun? Il-pitkalija l-ġdida se tkun kollha ta’ użu tal-bdiewa lokali u se tkun ġestita kollha kemm hi mill-Malta Food Agency jew xi parti minnha mill-privat? Se tittieħed art agrikola verġni biex tinbena l-pitkalija l-ġdida? Kemm hu l-ħsieb li se tiswa l-pitkalija l-ġdida u kemm ġew ivvutati flus għaliha? Meta huwa l-ħsieb li jibda u jitlesta x-xogħol fuqha? Waqt li jkun għaddej x-xoghol, kif se jkunu moqdija l-bdiewa?

Fir-rigward tal-pitkalija f’Għawdex, hu staqsa: Hemm bżonnha meta l-biegħa tal-bdiewa Għawdxin qed tinġieb Malta b’xejn u x-xogħol li jinżel minn Għawdex limjammonta biss għal 8% tax-xogħol kollu li jidħol fil-pitkalija ta’ Malta? Meta jkun hemm il-pitkalija f’Għawdex, min ikun jixtieq iniżżel il-biegħa tiegħu fil-pitkalija Malta, se jibqa’ jingħatalu dan is-servizz tat-trasport lejn il-pitkalija ta’ Malta b’xejn?

X’investiment hemm ippjanat li jsir fil-pitkalija ta’ Għawdex, kemm jiswa dan l-investiment u meta ser jibda u jitlesta x-xogħol? Il-Gvern ikkonsulta mal-bdiewa Għawdxin jekk iridux dan l-investiment jew jekk jippreferux li minflok jintefqu l-flus ghall-investiment tal-pitkalija f’Għawdex, l-istess flus jingħatawlhom bħala għajnuna biex ikabbru l-operat tagħhom? Kemm se tħaddem ħaddiema din il-pitkalija f’Għawdex?

Toni Bezzina sostna li il-PN, ilu jagħmel proposti għal dawn l-aħħar 13-il sena. Uħud minnhom jinkludu li artijiet tal-Gvern imorru għand il-bdiewa ġenwini, speċjalment dawk żgħażagħ, u mhux imorru għal passatemp b’kirjiet esagerati. Il-bdiewa u r-raħħala jridu jgawdu minn aċċess akbar għall-iskemi biex isewwu u jibnu mill-ġdid ħitan tas-sejjieħ fl-għelieqi tagħhom.

Il-Gvern għandu jgħin b’mod finanzjarju, lill-kooperattivi tal-bdiewa u r-raħħala jinvestu f’Villagg tal-Ħalib u Agrikoltura fejn dan ikun vetrina tal-prodotti agrikoli lokali u ċentru reġjonali agrikolu bl-integrazzjoni ta’ ċentru ta’ taħriġ ghal dawk li jixtiequ jidħlu fis-settur tal-agrikoltura kif ukoll akkomodazzjoni għall-agrituriżmu.

Il-bdiewa u r-raħħala għandhom jingħataw l-għajnuna kollha neċessarja biex ir-riklamar tal-prodotti lokali jiżdied b’mod sinifikanti li jkun jista’ jikkompeti aħjar mal-prodotti agrikoli impurtati minn barra l-pajjiż. Għandu jkun hemm trasparenza fil-katina tal-provvista tal-prodotti agrikoli, kemm lokali kif ukoll importati biex jitħarsu l-interessi tal-bdiewa, raħħala, bejjiegħa u fuq kollox tal-konsumaturi.

Applikazzjonijiet għal permessi ta’ żvilupp relatati ma’ strutturi agrikoli għandhom ikunu eżentati mill-ħlasijiet kollha tal-permessi ta’ żvilupp. Il-politika tal-Ippjanar relatati ma’ strutturi agrikoli u faċilitajiet anċillari għandhom jiġu riveduti biex jilħqu l-bżonnijiet preżenti u futuri tal-bdiewa u raħħala lokali.

L-industrija agrikola f’Malta qed tissielet biex tibqa’ teżisti. Għandna nimmiraw li nipprovdu dħul ġust għall-bdiewa u l-familji tagħhom u fl-istess ħin intejbu l-kundizzjonijiet rurali u l-infrastruttura relatata biex jinkisbu prattiki agrikoli sostenibbli.

L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji agrikoli ġodda bħal ‘vertical farming’, l-‘aquaponics’, ‘hydroponics’ u ‘aquasoilponics’ għandhom jiżguraw is-sopravivenza tas-setturi agrikoli u fl-istess ħin jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ art f’pajjizna.

Hu tkellem dwar is-sajjieda u qal li hu pożittiv li jiġi promoss l-ikel tal-ħut frisk u staqsa peress li l-iSchool Food Scheme żdiedet minn €500,000 għal €800,000 fis-sena, kemm ġejja tiswa fis-sena din l-iskema u jekk il-flus iddedikati għal din l-iskema hux ser ikunu vvutati għax-xiri ta’ ħut biss għall-konsum tat-tfal jew jekk hux se jintefqu għal affarijiet oħra wkoll?

Jekk biex il-Gvern jagħmel tajjeb ghall-iskema Fish Fridays hux se jitnaqqas il-budget tal-iskema tal-Ħaxix u Frott jew l-għoti ta’ Ħalib Frisk lil kull student. Il-ħut li se jinxtara se jkun frisk u maqbud lokalment minn sajjieda Maltin u Għawdxin jew impurtat minn barra? Ix-xiri ta’ ħut se jkun b’direct order jew b’tender? Kif se titħaddem din l-iskema?

Il-PN qed jipproponi li starter packs għal sajjieda żgħażagħ li għadhom deħlin f’dan is-settur li jkun jinkludi għajnuna fix-xiri ta’ bċejjeċ tal-baħar u l-apparat meħtieġ kif ukoll l-allokazzjoni ta’ kwoti relatati. Hu staqsa fejn hu l-finanzjament biex jiġu mibdula nġenji tal-opri tal-baħar tas-sajjieda – u mhux l-ewwel wegħduhom imbagħad ħallewhom b’xiber imnieħer.

Staqsa wkoll meta se jsir ċensiment tas-sajjieda li jqis id-diversi fatturi, fosthom il-mestier differenti tas-sajjieda, biex tkun tista tingħata għajnuna effettiva lill-komunitajiet tas-sajd. Meta l-Koperattivi u Għaqdiet tas-Sajd se jingħataw għajnuna biex ikun faċilitat l-ipproċessar tal-ħut kemm għas-swieq lokali kif ukoll dawk internazzjonali?

Il-Partit Nazzjonalista ilu jmexxi ‘l quddiem dawn il-proposti u diversi proposti oħra li jistgħu jagħmlu d-differenza kollha għas-sajjieda, kemm ġodda kif ukoll stabbiliti. Però, dawn dejjem waqgħu fuq widnejn torox. Hu qal li ftit li xejn sar gid lil dawn is-setturi bil-konsegwenza li l-bdiewa, raħħala u sajjieda tagħna jibqgħu ibatu. Il-Gvern ma jistax jibqa’ jgħaddi biż-żmien lil dawn is-setturi tant importanti għal pajjiżna.