Raġel ta’ 29 sena minn Ħal Tarxien inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’każ ta’ vjolenza domestika, fosthom li kkawża biża’ ta’ vjolenza, kkaġuna ġrieħi ħfief u li insulenta lill-eks partner tiegħu bil-kliem. L-allegat inċident seħħ quddiem it-tifel ta’ ħames snin li huwa tal-koppja.
L-akkużat, rappreżentat mill-Avukat Alessandro Farrugia, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-każ seħħ nhar it-Tnejn wara nofs inhar, meta l-eks sieħba tiegħu allegatament ġiet imsawwta u mkaxkra mill-kamra tas-sodda sal-kċina.
Hija qalet lill-Pulizija li r-raġel ta bil-ħarta fil-wiċċ u beda jgħajjarha bi kliem dispreġġattiv, fosthom “qaħba” u “kurnuta”. Minn informazzjoni li għandu NET News l-argument kompla jeskala hekk kif l-akkużat qed jingħad li sab żewġ kondoms nieqsa u allegatament beda jissuspetta infedeltà min-naħa tagħha.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat kompla jheddedha anke fil-preżenza tal-Pulizija. Ħareġ ukoll li fil-konflitt ssemma każ tal-passat meta l-mara kellha relazzjoni ma’ raġel ieħor u kont fuq sit OnlyFans. Il-prosekuzzjoni qalet li l-inċident allegatament seħħ quddiem it-tifel tagħhom ta’ ħames snin, fatt li nstab gravi fir-risk assessment.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Carlos Cordina qalet ukoll li l-fedina penalital-akkużat mhux perfetta u r-riskju huwa “estrem” Inġieb quddiem il-Qorti certifikat tar-risk assessment, li kklassifika r-riskju bħala l-ogħla livell possibbli. Ir-rapport jindika wkoll li dan mhux l-ewwel każ ta’ allegata vjolenza bejn il-koppja.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest għax il-vittma għadha trid tixhed, ir-riskju huwa klassifikat bħala għoli ħafna, il-każ seħħ quddiem it-tifel, u l-fedina penali tal-akkużat mhix waħda nadifa.
Il-verżjoni tad-difiża kienet li dan huwa każ mimli emozzjonijiet, u sostna li l-akkużat għandu kundizzjoni ta’ ADHD, li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest għandu fejn joqgħod ma’ ommu, u li r-relazzjoni kienet spiċċat wara tmien snin iżda l-koppja baqgħu f’kuntatt, fosthom meta l-eks partner tiegħu attendiet għal għeluq sninu ftit jiem qabel l-inċident.
L-Avukat Farrugia qal li l-Qorti fost kollox għandha l-mezzi biex tiżgura li l-akkużat josserva l-kundizzjonijiet kollha, inklużi dawk ta’ rinkażar, iżda f’dan l-istadju dan ma kienx biżżejjed biex tingħata l-libertà proviżorja.
Il-prosekuzzjoni talbet ukoll għal Ordni ta’ Protezzjoni favur il-vittma, li ġiet milqugħa mill-Qorti. L-ordni madankollu ma tipprekludix lill-akkużat milli jagħmel kuntatt jew jara lil ibnu, sakemm isegwi strettament il-kundizzjonijiet imposti. Il-Qorti ċaħdet it-talba għal-ħelsien mill-arrest
Il-Maġistrat Jean Paul Grech fid-dawl tar-riskju estrem, tal-fatt li l-vittma għadha trid tixhed, u l-allegazzjonijiet ta’ episodji oħra simili fil-passat, iddeċidiet li tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni ġiet mitluba tressaq lill-vittma u x-xhieda kollha “mal-ewwel opportunità”.
//= $special ?>

