Lokali Qorti

Koppja jirtiraw l-akkużi kontra xulxin fuq ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni

Koppja li kienet f’relazzjoni u waqqfet iddeċidiet li tirtira l-akkużi li kienet ressqet kontra xulxin, wara li t-tnejn ġew mixlijin separatament b’ksur ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni li kienu ġew imposti favur xulxin. Ir-raġel ta’ 35 sena mis-Siġġiewi kien tressaq il-qorti akkużat li kiser ordni ta’ protezzjoni, għamel theddid jew insulti permezz ta’ apparat elettroniku, kiser kundizzjonijiet tal-bail li kienu diġà imposti fuqu u li huwa reċediv.

Il-mara kienet ukoll mixlija b’ksur tal-bail u tal-ordni ta’ protezzjoni. Fir-rapport tagħha lill-pulizija, l-eks sieħba tal-irġiel allegat li huwa kien ikkuntattjaha biex “jikkjarifika affarijiet” dwar argument preċedenti, u li b’hekk kiser l-ordni ta’ protezzjoni.

Il-qorti nnotat li fil-messaġġ ma kien hemm l-ebda theddid jew insult. Ir-raġel ġie arrestat u interrogat. Iżda waqt l-investigazzjonijiet ġie żvelat li fil-fatt kienet il-mara li bagħtet l-ewwel kuntatt, billi bagħtitlu talba ta’ ħbiberija (friend request) fuq Facebook u saħansitra rreaġixxiet għall-messaġġ tiegħu, kuntrarju għal dak li ddikjarat fil-bidu.

Il-partijiet iddeċidew li jirtiraw formalment l-akkużi kontra xulxin, u l-qorti laqgħet it-talba tagħhom. L-Ispettur Audrey Micallef mexxiet il-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għar-raġel, filwaqt li l-avukat Yanica Barbara Sant irrappreżentat lill-mara. Il-proċeduri saru quddiem il-Maġistrat Nadia-Helena Vella.