Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg
Il-Gvern ippreżenta budget li suppost kellu jkun “l-aqwa budget fl-istorja”, imma nesa l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Waqt id-diskors tiegħu dwar l-Estimi tal-Budget 2026 għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li għalkemm il-flus huma bżonjużi, il-budget ħalla lil ħafna nies jistennew titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom. Tant li 50% tal-Maltin u l-Għawdxin qalu li dan il-budget ma ħalla ebda impatt fuqhom.
Fil-fatt sal-lum il-Maltin u l-Għawdxin għadhom qed jistennew titjib fis-servizz tas-saħħa, għadhom qed jistennew l-isptarijiet St Luke’s, Karin Grech u l-isptar il-ġdid ta’ Għawdex li jkunu sptarijiet state-of-the-art, u għadhom qed jistennew il-mediċini li huma out-of-stock. Dan għax għandna Gvern li berbaq il-miljuni – aktar minn €900 miljun – u li sal-lum għadu qed jipprova jiddefendi s-serqa tal-isptarijiet.
Alex Borg staqsa kif Prim Ministru ta’ pajjiż jista’ jkun sodisfatt b’sentenza li tgħid ċar u tond li l-vittma ta’ dan il-każ hu l-poplu Malti u Għawdxi.
Fakkar kif Robert Abela pprova jkanta vittorja b’din is-sentenza anke jekk fl-istess arbitraġġ il-Gvern Malti mar jitlob kważi €500 miljun mingħand Steward u mhux talli ma ġabhomx imma talli l-poplu Malti u Għawdxi se joħroġ €5 miljuni oħra minn butu għal din is-serqa.
L-akbar ammissjoni li din kienet kollox minbarra fair deal tahielna l-Gvern stess meta talab €500 miljun mingħand Steward. Imma għal Robert Abela l-fatt li falla li jġib lura flus il-poplu hija “rebħa”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li l-Gvern sejjaħlu “l-aqwa budget” la solva l-problemi tal-għoli tal-ħajja, la solva l-waiting lists u l-problema tal-mediċini out-of-stock, la solva l-problema tat-traffiku, la solva l-problema tat-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan, la solva l-problema tan-nuqqas ta’ LSEs, u lanqas solva l-problema tal-ambjent abbandunat.
Alex Borg qal li għall-kuntrarju ta’ dan, mill-Oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta viżjoni friska bbażata fuq dak li għandhom bżonn in-nies.
Hu fakkar kif gvern alternattiv Nazzjonalista jinvesti fi sptarijiet ġodda u fl-aqwa servizzi ta’ kura, inkluż fis-saħħa mentali u fil-kura paljattiva.
Alex Borg qal li l-50 proposta li ppreżenta fid-diskors tiegħu bi tweġiba għall-Budget 2026 huma bbażati propju fuq in-nies. Fost dawn il-proposti, hemm dik taċ-Child Trust Fund fejn il-gvern jiddepożita €5,000 għal kull wild ġdid, b’dan il-fond jibqa’ jikber sakemm jimmatura meta dak it-tifel jew tifla jkunu waslu biex jagħmlu passi importanti f’ħajjithom.
Huwa fakkar kif il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi sena sħiħa leave mħallas għall-ġenituri ġodda biex ikunu jistgħu verament igawdu l-ewwel xhur tat-tarbija tagħhom.
Dan hu kif issir il-politika sostenibbli li tippjana għall-futur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu jrid imexxi gvern li jimxi bi ħsieb, bi pjan u b’qalb soċjali vera. Gvern li jaħseb fil-familji u li jagħtihom l-appoġġ meħtieġ biex iserrħu rashom li l-futur ta’ wliedhom se jkun wieħed sabiħ u sod.
Alex Borg qal li din hi d-differenza bejn il-politika li qed iwettaq il-Gvern Laburista u dik tal-Partit Nazzjonalista. Gvern Nazzjonalista se jagħti s-serħan il-moħħ lill-familji tagħna – liż-żgħażagħ tagħna, lill-ħaddiema, lill-batuti u l-vulnerabbli, lill-pensjonanti, lin-negozji.
Filwaqt li hu evidenti li dan hu Gvern li għeja – u dan il-budget hu xhieda ta’ dan – il-Partit Nazzjonalista qed iħoss il-polz tal-poplu, qed jifhem x’inhu dak li qed jinkwetah, u qed ifassal politika li trid tagħti ħajja ta’ kwalità lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
“Dan hu biss il-bidu u flimkien nistgħu nibnu futur aħjar għal pajjiżna”, temm jgħid Alex Borg.
//= $special ?>
