Internazzjonali

L-Epstein files: Jonqos biss il-firma ta’ Trump

Il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington ivvutat favur ir-rilaxx tal-Epstein files, b’427 favur u wieħed biss kontra – waqt li s-Senat, fl-aħħar sigħat, ikkonferma li kien se jgħaddi l-abbozz speċifiku sa minn qabel kellu jirċevih.

Issa jonqos biss is-siġill Presidenzjali ta’ Donald Trump – jiġifieri li hu jiffirma l-abbozz li jiftaħ il-bibien beraħ għall-pubblikazzjoni tal-files; fost l-istennija tal-poplu kollu Amerikan.

Trump, issa, qed jgħid li lest jieħu dan il-pass …. b’dan il-u-turn qed isir wara li hu kien għamel minn kollox biex il-files ma joħorġux għall-konsum tal-pubbliku. Fl-istess ħin, Trump qed ikompli jgħid li ‘ma għandu xejn x’jaħbi’.

U hu ħeġġeġ biex id-deputati kollegi mal-Partit Repubblikan fil-Gvern jivvutaw ukoll biex ir-rekords ma jibqgħux klassifikati – xi ħaġa li fil-fatt għamlu.

Dan wara ħafna pressjoni mis-sostenituri ta’ Trump li jiffurmaw l-hekk-imsejjaħ Maga-base u li baqgħu jinsistu biex l-‘Epstein files’ isiru magħrufin mingħajr aktar ħabi jew tnaxkir tas-saqajn.

Fl-aħħar sigħat, uħud fost il-vittmi ta’ Jeffrey Epstein esprimew sodisfazzjon dwar il-fatt li għandha toħroġ il-verità dwar dan il-pedofelu…Huma sostnew ukoll li ilhom is-snin ittraduti mill-Istituzzjonijiet responsabbli tal-Istati Uniti.

L-‘Epstein files’ huma ħażna enormi ta’ dokumenti li tfasslu waqt l-investigazzjonijet kriminali dwar il-biljunarju li kien konsulent politiku u finanzjaru tal-aktar persuni influwenti fl-Istati Uniti. Id-dokumenti jinkludu transcripts tal-intervisti mal-vittmi u x-xhieda – minbarra rekords tal-oġġetti elevati waqt ir-rejds li l-pulizija għamlu fil-proprjetajiet ta’ Jeffrey Epstein.

Fl-aħħar sigħat, il-President Trump tenna li ma jridx li l-każ ‘Epstein’ itellef l-attenzjoni minn fuq il-ħidma siewja tal-Gvern immexxi minnu. Madankollu, Trump qed jidher anzjuż dwar dak li jista’ joħroġ mir-relazzjoni ta’ ħbiberija li kellu ma’ Epstein ħafna snin ilu…Relazzjoni li l-Amerikani jridu jkunu jafu aktar dwarha, wara li d-deputati f’Washington kienu ħarġu ‘il fuq minn 20,000 dokument mill-estate ta’ Epstein.

Dokumenti li wħud minnhom jirreferu direttament għal Donald Trump u persuni importanti oħrajn, inkluż biljunarji u politiċi, iżda mingħajr ma żvelaw xi imġieba ħażina min-naħa ta’ dawn l-individwi.

Fl-istess ħin, ir-Repubblikani fil-Kungress Amerikan qegħdin jidhru urtati wara li nqabdu fuq sieq waħda kaġun tal-U-turn ta’ Trump rigward il-files…Dan b’ mod partikulari wara li huma, sa ftit ilu, kienu qed jappoġġjaw lill-President fl-insistenza biex id-dokumenti ma joħorġux fil-pubbliku.

Fil-fatt, Mike Johnson, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u sostenitur kbir ta’ Trump, kien dam jinsisti li l-inizjattiva għall-pubblikazzjoni tal-‘Epstein files’ ma kienet xejn ħlief montatura qarrieqa mid-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni. Biex issa….dawn il-files, xorta se jiġu ppubblikati.