Mietu talanqas 13-il persuna wara li l-qawwiet Iżraeljani attakkaw kamp għar-refuġjati Palestinjani fin-nofsinar tal-Libanu – bl-Iżraeljani jsostnu li l-attakk ikkonċentra fuq bejta tat-terroristi tal-Ħamas fl-inħawi.
Il-militar Iżraeljan spjega li t-terroristi kienu qed imexxu ċentru għat-taħriġ tal-ġellieda f’kumpless sigriet qalb iz-zona ta’ Ein el-Hilweh u li, għaldaqstant, kienu ‘mira leġittima’ għall-qawwiet tiegħu.
Jidher li l-Ħamas kien qed juża l-lokalità biex jippjana u jwettaq l-attakki kontra Iżrael, bil-kelliema għall-grupp terroristiku qed jiċħdu li dan huwa minnu.
Din mhix l-ewwel darba li Iżrael wettaq l-attakki mill-ajru fuq il-militanti u lokalitajiet fil-Libanu, mindu , is-sena l-oħra, laħaq ftehim mal-grupp Ħeżbollah tal-militanti Xiti Libaniżi biex jintemm il-konflitt ta’ bejniethom.
U waqt li l-Iżraeljani qed ikomplu jattakkaw lill-entitajiet tal-Ħamas fil-Libanu, il-qawwiet tal-ajru qed jikkonċentraw xorta waħda l-attakki fuq is-siti tal-Ħeżbollah, bit-tensjoni fir-reġjun ma tbattix.
//= $special ?>

