‘L-Ukrajna qed tinbidel f’xena simili għall-Apokalissi’….Dan kien il-kumment tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, wara li pajjiżu ntlaqat minn xita oħra ta’ missili u drones tar-Russja li swew il-ħajja ta’ mill-anqas 30 persuna, fosthom diversi tfal.
L-aħħar attakk mill-qawwiet tal-Kremlin ikkonċentra fuq il-belt ta’ Ternopil, lejn il-Punent tal-Ukrajna, u fejn numru ta’ missili laqtu direttament lil żewġ blokok ta’ appartamenti li partijiet minnhom ikkrollaw bil-forza tal-impatt.
Ir-Russja qed timxi fuq strateġija tal-gwerra mirata għaċ-ċivili u bil-ħsieb li toqtol il-moral tal-Ukreni li ilhom għal kważi erba’ snin jirreżistu l-invażjoni ta’ arthom mill-militar ta’ Vladimir Putin.
U fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet f’Ternopil kienu qed jagħmlu l-kalkoli tal-istraġi, fost il-konferma li ndarbu viċin il-100 – b’talanqas 20 ikunu identifikati bħala subien u bniet.
L-attakk fuq Ternopil anki qed jissemma bħala wieħed mill-akbar assedji mill-ajru mill-bidu tal-gwerra, fi Frar tal-2022.
Il-qawwiet Russi anki fetħu burraxka fuq ir-reġjuni ta’ Lviv u Ivano-Frankivsk, lejn il-Punent tal-Ukrajna. Dan waqt li d-drones laqtu wkoll il-belt ta’ Kharkiv, fejn indarbu bejn 30 u 50 persuna…Ir-ritratti mill-inħawi li bdew jiċċirkulaw online, intant, urew numru ta’ bini u karozzi bin-nirien telgħin minnhom u bil-Ministeru Ukren għall-Enerġija jirrapporta qtugħ tad-dawl fost diversi reġjuni madwar il-pajjiż.
Il-President Zelensky tenna li r-Russja sparat aktar minn 500 drone flimkien mal-għexieren tal-missili fuq l-inħawi ta’ Ternopil u li x’aktarx li ntradmu numru ta’ ċittadini taħt it-tifrik ta’ wieħed mill-blokok tal-appartamenti milquta.
//= $special ?>

