Carmelo Mifsud, ta’ 67 sena, residenti Iklin, akkuzat ma nstabx ħati fuq serje ta’ reati relatati ma’ aċċess mingħajr awtorizzazzjoni għal sistemi tal-kompjuter u kontijiet personali tal-impjegat tiegħu, Sergio Gatt. Mifsud kien akkuzat li f’Frar 2016 u fix-xhur u s-snin ta’ qabel, kien wettqa diversi atti illegali, inkluż li: kien uża, kopja u interċetta data, software u dokumentazzjoni ta’ appoġġ u li kien aċċessa kontijiet u sistemi tal-informatika b’mezzi mhux awtorizzati.
Huwa lanqas ma nstab ħati li kien uża passwords, ‘codes’ ta’ dħul u informazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ persuna oħra biex jikseb aċċess mingħajr permess. Huwa kien qed jiġi mixli b’sebgħa akkużi li jinkludu wkoll li kkopja kull data, software jew dokumentazzjoni għal kull medjum ta’ ħażin u li kixef xi data, software jew dokumentazzjoni ta’ appoġġ kemm-il darba dan ma jkunx meħtieġ fil-qadi ta’ dmirijietu jew b’xi liġi oħra.
Il-prosekuzzjoni preżentat diversi xhieda, inkluż lil Sergio Gatt, l-Ispettur Lara Butters, il-kuntistabbli Matthew Sacco u Anthony Bonnici. Sergio Gatt xehed li kien impjegat bħala Director of Studies fl-iskola tal-Ingliz ta’ Carmelo Mifsud u kellu aċċess għall-kompjuter tax-xogħol tiegħu u għall-Facebook u email personali tiegħu.
Huwa spjega li Carmelo Mifsud kien jirċievi l-passwords mill-kwerelant meta kienu jinbidlu u li l-Facebook tal-iskola kien jinżamm bħala kont separati. Huwa rrimarka li anki meta kien qed juża l-Facebook personali tiegħu u bagħat messaġġi privati lil martu, dawn m’huma qatt ma ġew awtorizzati għall-użu professjonali, u dan qatt ma kien jiddikjara li Mifsud kellu xi dritt jidħol f’dawn il-messaġġi personali.
Gatt spjega wkoll li l-kompjuter tax-xogħol kien proprjetà tal-kumpanija u li l-passwords kienu mgħoddija lin-nies tas-servizz tal-internet outsourced. L-ipotesi li l-imputat kien jista’ jaċċessa direttament il-kontijiet personali tiegħu ma tistax tiġi provata b’mod sodisfaċenti.
Ix-xhieda tal-Ispettur Lara Butters u l-Kuntistabbli Matthew Sacco kkonfermat li investigazzjonijiet dwar l-IPs u l-aċċess għall-accounts ta’ Gatt urew li kien hemm diversi persuni li kellhom aċċess, inkluż l-impjegati tal-kumpanija u l-outsourcers, u li Carmelo Mifsud ma ġie identifikat b’mod ċar bħala l-persuna li wettqet aċċess mhux awtorizzat.
Il-kontijiet u l-email address personali li nqalaw mill-kwerelant kienu maħruġa jew aċċessati permezz tal-kumpanija, u l-prosekuzzjoni ma irnexxiliex tressaq prova “beyond reasonable doubt” li l-imputat wettaq r-reati li ngħad li twettqu fi Frar tal-2016 u qabel.
Il-Qorti enfasizzat li l-livell ta’ prova mitlub fil-liġi hu dak li ma jħalli dubju raġonevoli. L-istqarrijiet u l-provi ppreżentati ma wrewx li Carmelo Mifsud wettaq azzjoni kriminali u li Sergio Gatt u l-persuni relatati kellhom aċċess legittimu għall-informazzjoni li ġiet kopjata jew aċċessata. Għalhekk, il-Qorti sabet li nstab dubju raġonevoli dwar l-akkwiżizzjoni u l-użu ta’ data mill-imputat.
Il-Qorti qalet li ma ġiex ipprovat min aktar kellu aċċess għal komputers tal-kumpanija. Gatt fix-xhiedha tiegħu l-anqas ma kien kategoriku li huwa għalaq l-accounts tiegħu minn fuq il-komputer tax-xogħol u qal ukoll li kien jużha l-komputer tax-xogħol biex jaċċessa l-medja socjali u l-email account personali tiegħu.
Inoltre, s-servizz tal-internet tal-kumpanija kien qed jigi outsourced lil terzi li kellhom huma ukoll aċċess għas-sistema tal-internet tal-kumpanija. Illi ma ġiex ipprovat li l-imputat aċċessa personalment
illegalment l-accounts personali tal-kwerelant.
Il-Qorti sostniet dan kollu joħoq dubju raġonevoli illi l-imputat għamel l-aġir li qed jigi akkużat bihom f’
dawn il-proċeduri .Il-prosekuzzjoni għalhekk naqset milli tressaq prova lil ħinn minn kull ombra dettat mir-raġuni li l-imputat ikkometta r-reati li kien akkużat bihom.
Minħabba dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ssib li l-imputat Carmelo Mifsud mhux ħati tal-imputazzjonijiet kollha dedotti kontrih u tilliberah minn kull piena u ħtija. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat li l-Avukat Ġenerali jingħata aċċess għal kopja skennjata ta’ l-atti u ta’ din is-sentenza fi żmien sitt ijiem tax-xogħol. Il-każ instema’ mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lara Butters.
//= $special ?>

