Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali
u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra
l-Faqar u s-Solitudni
Mhux faċli li tmexxi kor fuq bażi volontarja għal ħamsin sena sħaħ. Nofs seklu ta’ servizz prestiġjuż fil-liturġija tal-Parroċċa Santa Marija tal-Mosta. Il-bidu tiegħu, jaf bidu umli ħafna, fejn dak iż-żmien kienet issir quddiesa waħda, ġeneralment bil-knisja tal-Mosta mballata bin-nies. Mhux dejjem kienet tkun animata bil-kant u kif qed tiġi preżentata llum il-ġurnata.
Imħabba lejn il-kant liturġiku
Bla dubju dan l-anniversarju kien mument storiku. 50 sena anniversarju tal-Kor Shalom, liema kor li sa minn dejjem ħaddan l-imħabba lejn il-kant liturġiku u li għex il-vokazzjoni tiegħu b’lealtà ta’ servizz.
Servizz li jġib armonija u paċi waqt il-quddiesa, l-aktar dik tas-Sibt filgħaxija u fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kollha ta’ matul is-sena. Il-kor huwa stabbilit, immexxi bi bravura kbira, b’dedikazzjoni mill-qalb, mimli kwalitajiet u talenti, b’entużjażmu u b’passjoni, b’ħafna ġenerożità u kompetenza. Kor li għadu jgħin u jiġbor lill-udjenza preżenti biex jidħlu fil-preżenza ta’ Alla. Kif kien jgħid il-kantant magħruf għal kanzunetta The Prayer, li min ikanta jkun qed jitlob doppjament.
Inħossni kburi u onorat li zijti Rita Vassallo ilha tmexxi dan il-kor għal dawn l-aħħar 41 sena. Mexxiet dan il-kor b’dedikazzjoni kbira u b’imħabba inspjegabbli. Dan mhux jien biss qed ngħidu imma kull min jafha, jaf id-dedikazzjoni tagħha. L-applaws fl-aħħar tal-kunċert li immarka dan l-anniversarju, seta’ jixhed dan l-apprezzament.
Qabilha kien żergħa din iż-żerriegħa, il-Fundatur tal-Kor il-Monsinjur Alfred Camilleri li ħalla frott li jibqa’ f’din il-missjoni sempliċi imma prezzjuża. U kif kiteb Monsinjur Camilleri stess, kif kienet ġietu l-idea li joħloq kor bit-tfal li kienu jattendu l-Oratorju Marija Immakulata biex din il-quddiesa fi knisja ppakkjata kienet tkun quddiesa organizzata kif għandu jkun.
Kienet saret sejħa biex tfajliet jidħlu membri f’dal-kor, fejn kull nhar ta’ Ġimgħa wara l-lezzjonijiet tad-duttrina kienu jsiru r-‘rehearsals’ għall-quddiesa tas-Sibt. Din kienet saret xi ħaġa tradizzjonali, fejn jidhirli li għadha ssir sal-lum il-ġurnata. Il-kor dak iż-żmien kien jikkonsisti f’45 membru, kif naħseb li sal-lum żamm l-istess numru ta’ membri.
Tislima ta’ paċi mill-qalb
Il-kor ingħata l-isem ta’ Shalom, kelma Lhudija li biha l-Lhud isellmu lil xulxin. Kelma b’sinifikat qawwi, tislima ta’ paċi mill-qalb, kelma li permezz tagħha nixtieqlek il-paċi u l-barka mis-sema, kif jagħmlu kull darba li jagħtu servizz. Kif propju taw lill-udjenza preżenti nhar il-15 ta’ Novembru fil-Bażilika tal-Assunta tal-Mosta.
Ma nistax ma nsemmiex lill-arpista Jacob Portelli, lill-flawtista Andrea Cassar, lill-pjanista Myriam Portanier Mifsud u lill-preżentattriċi Chayenne Riolo, li komplew isebbħu s-serata u l-Bażilika mixgħula għall-okkażjoni li ddaħħlet fl-istorja ta’ belt li ġiet onorata b’solennità.
Fl-aħħar tas-serata l-kor għalaq il-programm b’kanzunetta mill-isbaħ, Look at the World ta’ John Rutter, fejn flimkien mal-kor ingħaqdu l-eks membri tal-kor Shalom u s-sopran Analise Mifsud u Lara Bonnici. Kienet xena komwoventi tara lill-eks membri tal-kor li llum huma ommijiet, edukaturi u oħrajn. Bla dubju l-formazzjoni tiswa bil-bosta għax meta tara din ix-xena finali tinnota s-sabiħ u l-ġid li sar fost il-familji Mostin. Illum uħud minnhom imexxu familji b’valuri u prinċipji nsara.
Kif aktar qabel dan il-kor sar parti integrali mill-ħajja pastorali tal-Parroċċa Santa Marija tal-Mosta. Tul dawn il-ħamsin sena l-Kor Shalom ipparteċipa f’diversi avvenimenti importanti li saru fil-parroċċa tal-Mosta u ’l barra minnha. Sibt wara Sibt wieħed jinnota dik ir-responsabbiltà, l-impenn li jippreżentaw liturġija kif suppost. Kull min għadda minn din l-avventura bla dubju jista’ jikteb jew jitkellem aħjar dwar dan is-servizz.
Kull min kien preżenti tgħaxxaq bis-serata ta’ kant mill-isbaħ. Ċert li kull persuna daħlet mod imma ħarġet mill-Bażilika Marjana persuna differenti. Ċert li din is-serata ma servitx biss bħala serata sinifikattiva biss, jew anniversarju biex sempliċiment ikun issemma l-anniversarju, imma li nżommu f’moħħna li dan is-servizz qiegħed hemm, kien hemm b’tant investiment u preparazzjonijiet mill-qalb, li verament iħallu qlub mimlija mħabba għall Assolut.
Prosit mill-ġdid lil kull min ħa sehem, u lil kull min semmejt f’dan l-artiklu, iżda ma nistax inħalli barra lis-Segretarja tal-Kor is-Sinjorina Sarah Abdilla, li mingħajr il-ħidma kontinwa tagħha ma jistax jinħoloq dan il-vjaġġ mimli avventura li taf storja ta’ 50 sena.
Tul dawn il-ħamsin sena l-Kor Shalom ipparteċipa f’diversi
avvenimenti importanti li saru
fil-parroċċa tal-Mosta
u ’l barra minnha
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 19 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

