Ryan Callus
Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ
Wara l-preżentazzjoni tal-Baġit il-Gvern reġa’ pprova jbiegħ il-messaġġ li qed jagħmel ħafna biex jappoġġja lill-esportaturi.
Imma ejja ngħiduha kif inhi, il-kliem ma jibdilx ir-realtà fuq l-art.
In-negozji tagħna għandhom bżonn azzjoni konkreta, direzzjoni ċara, u ambizzjoni vera.
Fejn qegħdin illum
Ejja niftakru li għandna TradeMalta li hi sħubija bejn il-Gvern u n-negozju privat rappreżentat mill-Malta Chamber.
Din ilha taħdem għal diversi snin. Għandha skemi bħal dik għall-promozzjoni internazzjonali u għotjiet għal marketing diġitali.
Dak hu tajjeb. Imma meta nitkellmu man-negozji… minn fabbriki żgħar sa startups u servizzi professjonali… dejjem nisimgħu l-istess ħaġa.
Il-proċess hu bil-mod, burokratiku, u b’fondi limitati.
Ħafna kumpaniji jgħidu li l-iskemi huma komplikati wisq jew ma jilħqux lil min verament għandu bżonnhom.
U filwaqt li pajjiżi oħra qed iżidu l-investiment tagħhom fil-promozzjoni kummerċjali, Malta baqgħet wieqfa.
Il-fondi ta’ TradeMalta ma żdidux biżżejjed, u ma hemmx viżjoni ġdida li taqbel mar-realtajiet ta’ llum. Politika limitata u reattiva
Il-problema mhix li m’għandniex politika.
Il-problema hi li għandna politika limitata u reattiva.
Ma hemmx strateġija nazzjonali ċara.
Ma hemmx tentattiv ċar tas-swieq li qegħdin nimmiraw, jew x’miri għandna nilħqu.
Ma hemmx allinjament bejn il-promozzjoni tal-kummerċ u oqsma oħra bħall-innovazzjoni, il-loġistika u d-diġitalizzazzjoni.
Allura, filwaqt li l-Gvern jiftaħar bil-missjonijiet kummerċjali u r-ritratti, ħafna imprendituri Maltin jibqgħu jitħabtu waħedhom biex jidħlu fis-swieq barranin.
Potenzjal hawn
F’Malta għandna talent kbir, imprendituri kreattivi u kapaċi.
Rajna ħafna suċċessi… minn prodotti speċjalizzati sal-esportazzjoni tas-servizzi diġitali.
Imma ejja nkunu onesti: il-problema mhijiex fin-negozji, il-problema tinsab fin-nuqqas ta’ direzzjoni mill-Gvern. TradeMalta għandha baġit żgħir ħafna għal dak li hu meħtieġ illum. Ma tistax tippromwovi l-Malta kollha barra b’riżorsi daqshekk limitati.
Qed nippruvaw niġru l-Olimpjadi b’żarbun tas-sandli.
X’qed tipproponi l-Oppożizzjoni
L-Oppożizzjoni temmen li wasal iż-żmien għall-bidla vera, konkreta u kuraġġuża.
L-ewwel nett, irridu Strateġija Nazzjonali għall-Esportazzjoni u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Pjan ta’ ħames snin, b’miri ċari u pubbliċi. Fejn irridu naslu, f’liema swieq, u x’inhu l-benefiċċju għall-pajjiż.
It-tieni, irridu aktar fondi u fondi stabbli. TradeMalta ma tistax tippjana fit-tul jekk kull sena tistenna jekk hemmx flus jew le.
It-tielet, innaqqsu l-burokrazija. Nagħmlu skemi faċli biex tapplika għalihom. Noħolqu pjattaforma diġitali waħda fejn in-negozji jiksbu informazzjoni u japplikaw b’mod trasparenti.
Ir-raba’, ejja nibnu ħiliet għall-esportazzjoni. Programm “Trade Ready” biex jgħin lill-SMEs jifhmu kif jidħlu fis-suq internazzjonali — b’mentoring, taħriġ u informazzjoni tas-suq.
Il-ħames, ejja niddiversifikaw. Ma nistgħux nibqgħu nistrieħu fuq l-Ewropa biss. Hemm opportunitajiet kbar fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika u fl-Asja. Iż-żjara fl-Arabja Sawdita kienet tajba – jeħtieġ iktar bħala. Malta tista’ tkun żvantaġġjata id-daqs, imma aqwa fil-flessibbiltà u l-aġilità.
U fl-aħħar nett, irridu kontabbiltà vera. TradeMalta għandha tiġi kontabbli quddiem dan il-Parlament. Rapport annwali li juri kemm kumpaniji ġew megħjuna, x’kien ir-riżultat, u kif intużaw il-fondi pubbliċi.
Il-viżjoni tagħna
Il-promozzjoni tal-kummerċ m’għandhiex tkun nota żgħira fil-Baġit. Għandha tkun pilastru ċentrali tal-politika ekonomika tal-pajjiż. Aħna, bħala Oppożizzjoni, ma nitkellmux biex nikkritikaw. Nitkellmu biex nagħtu direzzjoni u biex nimbuttaw ’l quddiem politika li tagħmel sens.
Meta jsir xogħol tajjeb, ngħidu hekk. Imma meta l-ambizzjoni tkun nieqsa, għandna obbligu li nsemmgħu leħinna. Malta ma tistax tkompli tistenna filwaqt li d-dinja qed timxi. Għandna bżonn Gvern li jħares ‘il quddiem, mhux wieħed li jħares lejn il-passat.
Gvern li jisma’ lill-intraprendituri, mhux li jħallihom jitħabtu waħedhom.
Konklużjoni
L-Oppożizzjoni tinsab lesta biex tikkopera b’mod serju u kostruttiv biex nibnu sistema ta’ promozzjoni tal-kummerċ aktar b’saħħitha, aktar ġusta, u aktar effettiva.
Sistema li tassew tgħin lill-impriżi Maltin joħorġu barra, jiftħu orizzonti ġodda, u jsaħħu l-ekonomija tagħna.
Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-promozzjoni tal-kummerċ mhijiex dwar ritratti jew diskorsi.
Hija dwar li nagħtu lin-negozji Maltin il-ġwienaħ biex itiru u jiksbu l-miri li jaħdmu għalihom.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

