Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
L-aħħar sondaġġi pubblikati juru xena politika ferm iktar kompetittiva milli kienet fl-aħħar snin. Huwa minnu li l-poplu qiegħed jirrispondi b’mod pożittiv għal Alex Borg u l-Partit Nazzjonalista tal-lum, u dan qiegħed jidher dejjem aktar f’kull sondaġġ li ħareġ s’issa minn meta Alex Borg ħa f’idejh it-tmun tal-partit.
Skont is-sondaġġ tal-Malta Today, li ħareġ nhar il-Ħadd li għadda, il-Partit Laburista bħalissa qed jibbenefika minn appoġġ ta’ 48.7% filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qiegħed viċin ħafna b’46.1%. Din id-differenza perċentwali minima tagħtina ħafna x’nanalizzaw u x’nixtarru. Dan ir-riżultat qiegħed juri li hemm biss differenza żgħira ta’ madwar 7,600 vot bejn iż-żewġ partiti, u minkejja li dan huwa simili tassew għar-riżultat miksub fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet, ikompli jikkonferma li n-nies qed tara fil-Partit Nazzjonalista bħala tama għall-futur fl-alternattiva li qegħdin noffru.
Ċertament imma, dawn in-numri juru żieda sinifikanti għall-Partit Nazzjonalista meta wieħed iqabbel id-differenza ta’ kważi 40,000 vot li biha ntrebħet l-elezzjoni tal-2022.
Il-fatt li l-Partit Laburista qed jitlef l-appoġġ ta’ eluf ta’ votanti propju wara ‘l-aqwa baġit’, jiġifieri ma bbenifikax mill-fattur ta’ ‘post-budget bounce’, juri li hemm ċertu għejja fi ħdan il-Gvern u dan qed jirrifletti fil-partitarji tiegħu wkoll. Il-poplu qiegħed jemmen aktar fil-Partit Nazzjonalista daqskemm qiegħed jemmen anqas fil-Partit Laburista. Dan kollu qed ikun konfermat ukoll billi ħafna eks votanti Laburisti, meta mistoqsija fis-sondaġġ qalu li jqisu li jastjenu minflok jivvutaw. Dan jaf ikollu differenza kruċjali għax qed inħarsu lejn xenarju li fih l-elezzjoni ġenerali li jmiss jaf tkun qed tagħtina mandant ġdid lill-Partit Nazzjonalista.
Figura żagħżugħa u dinamika
Mingħajr ebda dubju, il-fattur li qed jinfluwenza ħafna lill-elettorat illum huwa l-fenominu ta’ Alex Borg bħala Kap ġdid tal-PN. F’artiklu ieħor kont ktibt hekk; “Fl-approċċ politiku tiegħu, Alex Borg qed jitkellem b’mod miftuħ u mhux biss għal dawk li jaqblu miegħu jew li huma affiljati mal-partit, iżda qed joħloq klima politika inklussiva li fiha tinkludi wkoll lil dawk li mhux neċċessarjament isegwu l-politika jew inkella lill-PN. Dan l-immaġni l-ġdid, ifittex li jwessa’ dejjem aktar is-sens inklussiv tal-PN li ma jistax jibqa’ aktar dipendenti fuq l-eluf li jissapportjawh, imma jrid ifittex voti ġodda, iħajjar nies ġodda u jappartjeni b’mod miftuħ għal min tilef l-entużjażmu fil-politika minħabba elf raġuni.”
Illum qiegħed nikkonferma li dak li ktibt dwaru ġimgħat ilu, illum qed jinħass sewwa u qed jilħaq lil aktar nies.
Minkejja li t-‘trust rating’ ta’ Alex Borg skont is-sondaġġ tal-istess ġurnal huwa ta’ 35.3% (meta mqabbel ma’ 45.2% ta’ Robert Abela), wieħed irid jikkunsidra li Alex Borg hu relattivament ġdid fil-kariga u għadu qed jikkonsolida l-personalità tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN. Alex Borg hu figura żagħżugħa, dinamika, li qed iġib enerġija ġdida u aktar sens ta’ identità fil-PN, speċjalment fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa u dawk li kienu qatgħu qalbhom mill-politika tradizzjonali.
Qiegħed niltaqa’ ma’ ħafna u ħafna nies li għandhom fiduċja assoluta f’dak li rridu rressqu ’l quddiem. Aktar ’il fuq semmejt l-effett tal-baġit li ma ħalliex l-effett mistenni. Dan jista’ jfisser biss ħaġa waħda, li l-ekonomija mhux veru qed tilħaq lil kulħadd u fil-pajjiż hemm numru serju ta’ sfidi li l-Gvern mhux jindirizzahom u qed jipprova ‘jixtri’ lin-nies biex isolvi dak li ma jistax jissolva bi ftit aktar flus fil-but.
Alex Borg ippromwova diversi proposti li jiġbdu l-attenzjoni fost il-votanti. Dawn jinkludu politika ekonomika sostenibbli biex tnaqqas il-piż tal-għoli tal-ħajja, bidliet strutturali fil-governanza biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, u inizjattivi biex jitjieb is-servizz pubbliku, speċjalment fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-infrastruttura urbana. Barra minn hekk, Alex Borg qiegħed ikun dejjem aktar inklussiv u modern fil-politika, u qiegħed jindirizza l-kwistjonijiet li qed jolqtu lill-poplu direttament bħas-sostenibbiltà ambjentali u l-affordabbiltà tad-djar.
Il-PN qed jikkonsolida
Il-Partit Laburista jidher li qed jitlef bil-mod il-fattur li kien dejjem jiddistingwih; il-fiduċja tal-poplu. Huwa evidenti li l-Partit Laburista għadu ma rkuprax mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024 li fiha l-PN ħareġ b’saħħtu kif spjegajt diġà. Dan huwa sinjal li l-Partit Nazzjonalista qed jikkonsolida l-‘momentum’ tiegħu, u li l-elettorat qiegħed jerġa’ jikseb interess f’alternattiva politika tagħna.
Ma nistax ma nikkummentax ukoll dwar il-fatt li ż-żewġ partiti l-kbar qegħdin taħt il-50% u dan juri bidla sostanzjali fil-mod kif is-soċjetà qed tħares lejn il-politika. L-appoġġ żgħir għal partiti bħall-ADPD (4.1%) u Momentum (1.2%) jista’ jkollu effett inqas dirett fuq ir-riżultat finali iżda dan xorta jindika li hemm numru ta’ votanti li qegħdin ifittxu alternattivi oħra. Lil dawn irridu nindirizzawhom ukoll.
Għalkemm l-elezzjoni ġenerali tinsab ’il bogħod daqskemm tidher viċin, żgur li ma nistgħux inħallu dan il-‘momentum’ inaqqas mir-ritmu tiegħu. Imma, ix-xenerju li fih il-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni mhux impossibbli. B’differenza minima fil-voti u żieda fil-frustrazzjoni fost il-votanti Laburisti, flimkien ma’ rinnovazzjoni interna u politika moderna taħt Alex Borg, dawn kollha jistgħu jagħmlu l-elezzjoni ġenerali li jmiss waħda storika għal Malta, u nibdew inġibu l-bidla li pajjiżna tant jeħtieġ.
Il-poplu qiegħed jemmen aktar fil-Partit Nazzjonalista daqskemm qiegħed jemmen anqas
fil-Partit Laburista
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 19 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

