Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
- Hija, anzi, proprju mertu ta’ dan l-ispirtu li wieħed imeri u jmur fid-direzzjoni differenti minn ta’ ħaddieħor. Dawk fil-poter, fil-maġġor parti tagħhom, jiddejqu meta jsibu persuni bħal dawn.
Hija fil-fatt il-kejl ta’ dak li huwa abbiltà ta’ tmexxija vera. Għax jekk m’intix kapaċi tisma’ dak li huwa differenti u tipprova tifhem lil dawk li huma kuntrarju għalik, allura ma tantx tkun tolleranti jew demokratiku.
Tkun fit-triq tal-awtoritarjaniżmu li sfortunatament xi wħud jammiraw fis-soċjetà tagħna. Qisu trid tkun hekk biex tkun speċi ta’ mexxej tajjeb.
Xi żball
2. Dan huwa mill-iktar żbaljat, għax tagħżel li tisma’ biss id-diska li trid tisma’ u ma tippruvax tagħti spazju lil min ma jaqbilx miegħek. Il-biża’ l-kbira tat-tiranni ġejja mill-ideat li jitwieldu mill-verità tal-fatti. Iktar fl-inkarnazzjoni ta’ dawk li l-verità jkollhom l-ardir li jgħiduha u jxandruha skont kemm jirnexxilhom.
Dan għax minkejja kull progress li għandna, il-pożizzjoni tibqa’ li s-soċjetà tillimita l-ideat u l-vuċijiet ta’ dawk li ma jaqblux ma’ dawk li huma fil-poter.
Sfortunatament u żbaljatament hija kkunsidrata bħala konsegwenza tal-fatt li, skont huma, hekk għandhom ikunu l-affarijiet. F’dan hemm l-injoranza li tillimita lil ħaddieħor. Dan għax l-ideat jgħinu sabiex il-proċess tal-bidla li tant hemm bżonn iseħħ aħjar, biex isir u jsir dejjem aħjar.
Għaliex?
3. Huwa dejjem iktar ċar li f’dan l-irjus jistgħu jinbidlu, u magħhom it-tmexxija, imma l-ġisem jibqa’ l-istess. L-immaġini tipprova tkun differenti, bi bnedmin differenti, imma fil-fatt, fl-aħħar mill-aħħar kollox jibqa’ l-istess. Jibqgħu l-istess ftit, jiddikjaraw dak li l-poter ċentrali jrid jibqa’ jiddikjaralna.
Dejjem insibu bnedmin ‘ġodda’ biex jgħidulna dak li qalulna qabel huma. Dawk li nsibuhom f’argumenti illoġiċi għall-aħħar, li jiddikjaraw mill-ġdid dak li qabel ġie diġà dikjarat. Fejn il-proċess veru tal-bidla ma jseħħx għax l-ideat huma kontrollati.
Hemm min jimmaġina li dak huwa l-forma ta’ “għerf” tas-sistema demokratika: il-ħażen li tidher miftuħ meta tkun magħluq. L-ideat li huma għal qalbek biss u ta’ dawk li jmeruk le.
Jekk irridu
4. F’dan, l-aqwa huwa li tillimta d-diskussjoni u tirrestrinġi wkoll il-ħin għaliha. F’dan iktar fil-Kamra tad-Deputati, fejn id-dibattitu veru qiegħed jiġi arġinat kontinwament fir-ritwali li dħalna fihom u li ma rridux noħorġu minnhom.
Id-deputat irid aktar ħin u jrid ukoll iktar opportunità sabiex jikkontribwixxi f’dak li hu għaddej u f’dak li ma jingħadx. Mertu tad-diskussjonijiet li għaddejjin fil-ministeri varji tifhem kemm hemm bżonn diskussjoni u kemm hemm bżonn li l-Gvern jisma’ l-kontra.
Bżonn demokratiku u li jassigura iktar li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jifhmu kemm hawn aspetti li ma jiġux ikkunsidrati. Aktar minn hekk huwa kważi proċess inevitabbli li kull min jitkellem, wara jirrifletti aktar mill-ġdid fuq dak li qal u li sema’ u jimxi fl-ideat tiegħu.
Bżonn
5. Pajjiżna għandu bżonn iktar li nifhmu kemm huwa importanti li jkollna bnedmin li jkunu l-kontra. Ħafna drabi huma l-melħ li ġej mill-iktar qiegħ tas-soċjetà, li jiddetermina kif u b’liema mod tiġi dikjarata l-vuċi popolari.
Il-poplu jħossu maqtugħ mill-Kamra tad-Deputati proprju fuq tliet livelli:
l-ewwel, għax dak li jingħad hemm huwa maqtugħ mill-prijoritajiet veri tiegħu;
it-tieni, għax id-dibattitu jingħad b’diskors li jew huwa kkumplikat, jew inkella għax jingħad minn bnedmin li jaħsbu bl-Ingliż li mbagħad jippruvaw jitkellmu bil-Malti; u
it-tielet, għax jippretendi mġiba ċivili, diskors rispettuż u li jindika li min qiegħed hemm għandu għal qalbu l-veru interess tal-poplu u mhux tiegħu nnifsu jew tal-parti tal-partit tiegħu.
Nagħraf
6. Naċċetta aktar dan fl-esperjenza politika li missejt magħha sa issa. Napprezza lil min huwa kontra tal-ideat li nirrappreżenta, jew oħrajn bħali fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra, biex nifhem aħjar.
Nagħraf aktar li l-uniku mod li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom huwa ta’ kif iżommuna barra. Nifhem dan kollu, u sfortunatament napprezza li, fl-aħħar tal-ġurnata, il-proċess tal-bidla jibqa’ ma jsirx.
Il-proċess mhux fl-uċuħ, imma fis-sustanza tal-ideat li tant hemm bżonn li jsir. Sa issa, dak li kien, għadu. Dak li kien jingħad, għadu jingħad hekk, bl-istess mod.
Il-metodu baqa’ l-istess fi kważi kollox u ma hemmx min irid jiċċaqlaq minn dak li dejjem sar. Jekk wieħed irid iżid il-kunsensi għandu bżonn jifhem li jrid bilfors jibdel. Finalment jifhem dak li trid tmexxija demokratika futura.
Jifhem fis-sustanza kemm huwa tajjeb li jdaħħal fil-kalatura tiegħu, u miegħu, lil dawk li għandhom ideat kontra tiegħu.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

